Għandi nħossni obbligat nagħti tip?
Meta mmoru għax-xogħol, kulħadd jistenna li nitħallsu, l-istess kif kulħadd jistenna illi nagħmlu xogħlna sew. Imma hawn drawwa, illi lil ċertu ħaddiema, apparti li nkunu ħallasna għas-servizz tagħhom, intuhom ukoll dik ix- xi ħaġa żejda. Tip. L-aktar kategorija ta’ nies illi normalment jingataw tips huma l-wejters, il-barbiera jew xi ħaddiema illi jiġu jagħmlulna xi xogħol ta’ manutenzjoni id-dar, speċjalment jekk ikunu ħaddiema ma’ xi kumpanija aktar milli kieku jkunu self employed
Imma għaliex għandna nħallsu xi ħaġa iżjed lil xi ħadd għax għamlilna xogħol tajjeb, jekk diġa inkunu ħallasna talli nkunu xtrajna servizz li hu tajjeb?
Kuntrarjament għal xi pajjiżi oħra, f’Malta li tagħti tip mhux obbligatorju. Madanollu li tagħti tip f’restaurant jew kafetterija, hija normali u apprezzata mmens. Hawn min jagħti tip skont iż-żgħar li jkun baqgħalu, u hawn min jikkalkula illi jagħti xi persentaġġ minn fuq il-kont, eżempju għaxra fil-mija tal-kont
Bħal ma f’Malta mhux mandatorja u f’ċertu pajjiżi hija obbligatorja, hemm pajjiżi bħal Ġappun, illi huwa insult illi xi ħadd jagħti tip
U għalfejn nagħtu tip lil persuna li servitna, imma mhux lil dik il-persuna li ppreparat l-ikel jew li ħaslet il-platti? Mhux sistema aktar ġusta kieku tips jinqasmu bejn kulħadd minflok imorru b’mod individwali?
F’ċertu xogħlijiet, li tagħti tip huwa ftit ta’ dilemma. Eżempju: Tagħti tip lil xi infermier jekk kont pazjent l-isptar? Jekk ser tagħti xi ħaġa żgħira bħala grazzi huwa mod, imma li tagħti tip u tippretendi illi dak li jkun jagħtik aktar attenzjoni milli jagħti pazjenti oħra hija xi ħaġa mhux etika. It-tips hija xi ħaġa ta’ grazzi mhux xi ħaġa biex tiffavorik