Ħiliet li għandek tgħallem lit-tfal qabel ma jgħalqu 10 snin
Li tgħallem lit-tfal ħiliet essenzjali għall-ħajja sa ma jgħalqu 10 snin huwa kruċjali fil-proċess tal-iżvilupp tagħhom, kif ukoll biex tgħinhom isiru indipendenti. Skond l-Assoċjazzjoni Dinjija tas-Saħħa, dawn il-ħiliet t’hawn taħt kapaċi jgħinu persuna taffaċċja sfidi tal-ħajja ta’ kuljum b’aktar faċilita.
It-tisjir bażiku
Ibda involvi lit-tfal f’attivitajiet tal-kċina bħal jiftħu bajda, jħalltu l-ingredjenti u jqattgħu l-frott bi skieken apposta għat-tfal. Ibda għallimhom kif jagħmlu platti li m’għandhomx bżonn forn għalihom bħal xi insalata, smoothie jew xi sandwich.
Kif inaddfu
Inkoraġġixxi lit-tfal biex inaddfu warajhom. Dan sabiex toħloq fihom sens ta’ responsabbiltà u apprezzament għal ambjent nadif. Dawwarha f’attività pjaċevoli billi toħloq logħob bħal min jirnexxielu jiġbor il-ġugarelli l-ewwel. Ibda żidilhom ix-xogħol ftit ftit u introduċilhom attivitajiet bħal tfarfir, vacuuming, it-tiwi tal-ħwejjeġ u kif jinħaslu l-ħwejjeġ.
Is-sens ta’ navigazzjoni
Assigura li t-tfal ikunu jafu l-indirizz tad-dar bl-amment, kif ukoll forsi xi postijiet jew elementi magħrufa fil-viċinanzi. Għallimhom ukoll il-kuntatt tiegħek. Għandek tara wkoll li jkunu kapaċi jifhmu l-viċinanzi tad-dar mingħajr il-bżonn tat-teknoloġija. Xi ħaġa li jsibuha sikurament utli f’każ ta’ emerġenza.
Kif jgħamlu għażliet infurmati
Għandek tippermetti lit-tfal tiegħek jagħmlu l-iżbalji għax dawn huma parti mill-proċess li bih jitgħallmu. Kun ta’ gwida għalihom sabiex jagħmlu għażliet sani fejn tidħol id-dietà, l-eżerċizzju u l-ħbiberiji. Emfasizza l-importanza li jkollok bilanċ fil-ħajja u li tippermetti lilek inniffsek ċerti indulġenzi xi kultant.
Apparti dan kollu, kabbar fihom sens ta’ rispett, ta’ konsapevolezza fejn jidħlu l-flus, l-importanza li jistabbilixxu l-limiti personali, is-sens ta’ gratitudni, l-importanza li tgħin lill-oħrajn, u li tkun kapaċi tesprimi l-emozzjonijiet tiegħek. Dawn il-ħiliet huma kollha essenzjali kemm fil-ħajja preżenti tagħhom, kif ukoll għall-futur.