Hot dog biz-zalzett u l-fażola: sempliċi u tajjeb
Żgur li min għandu ċertu eta’ jiftakar illi l-varjeta ta’ ikel li kont issib tixtri minn barra kien ħafna inqas mill-llum. Għalkemm dejjem kien hawn restoranti u gabbani ( għalkemm ħafna anqas mill-llum) li jbiegħu l-ikel dawn ħafna drabi ma kienx ikollhom xi għażla kbira minn fejn wieħed jista’ jagħżel.
Eżempju, il-gabbani li kienu jarmaw fil-festi tal-irħula, ħafna drabi kienu jbiegħu biss burgers, chips u hot dogs. Illum ibiegħu kull tip t’ikel, minn ċiniż sa tork. Anki jekk sempliċiment naraw il-hotdogs li jinbiegħu fil-gabbani llum, naraw li hemm kuntrast ma’ dak li kienu jinbiegħu qabel. Illum tixtri hotdog b’varjeta ta’ zalzett, basal, insalati u sos fifferenti.
Fl-imgħoddi il-hot dog mibjugħ mill-gabbani tal-festi kien sempliċi. Bezzun imsaħħan u zalzett twil minn tal-bott, li kien jiġi msaħħan fil-misħun li kien ikollu fil-gabbana. Fuqu kienu jitfgħu ftit fażola taz-zalza u għal min jiggosta ftit sos tat-tadam (mill-aħmar). Sempliċi, imma tal-gabbani kienu jbiegħu mhux ħażin. Bilħaqq, dan il-hotdog kien jiswa ħmistax -il ċenteżmu biss ( xi 35 c ta’ l-Ewro)
Maż-żmien l-għażla żdiedet bl-istess rata li naqset is-sempliċita. Il-hot dogs fil-festi għadu wieħed mill-ikel popolari waqt il-festi, imma l-hot dog sempliċi (biz-zalzett, fażola u sos biss) ma tantx għadek issibu