Il-ġganti kienu jgħixu fuq artna fl-imgħoddi mbiegħed
Min jaf kemm-il darba smajna bil-figura tal-ġgant meta konna żgħar, fi żmien meta x-xjuħ tagħna kienu jirrakkuntawlna l-ħrejjef. Kemm minna jiftakru wkoll il-ġrajja ta’ David u Gulija, mela ż-żgħir li jirnexxilu jirbaħ lill-kbir bil-makakkerija ta’ moħħu?
Jingħad li dawn il-ġganti kienu jgħixu fuq artna meta kienet ikbar u parti mill-kontinent t’Atlantis. Hawn il-ġganti kienu jibnu l-bliet tagħhom b’ġebel ta’ daqs kbir. Minnhom ġej l-isem ta’ wieħed mill-eqdem tempji li għandna f’Għawdex, il-Ġgantija tax-Xagħra, magħruf anki bħala t-Torri tal-Ġganti.
Dawn il-ġganti kienu razza ta’ saħħa kbira u minkejja li kienu kbar fl-istatura, kienu neqsin mill-intelliġenza. Għalhekk bil-mod il-mod il-bnedmin bdew jeħilsu minnhom. Minn dawk il-ftit ġganti li baqgħu jeżistu fuq artna, kien hemm ġganta li kienet tiekol biss il-ful minn fejn bosta kienu jaħsbu li ġġib is-saħħa enormi tagħha. Kellha l-għalqa tagħha n-naħa tal-Qala, Għawdex. Il-ġganta kienet tpoġġi fuq ġebla kbira – magħrufa bħala l-Ġebla ta’ Sansuna – u minn hemm kienet tara l-ful jikber. Meta ma għamlitx xita u l-ful ma kibirx il-ġganta tilfet saħħitha u n-nies tal-villaġġ daħqu biha u kellha ssib kenn f’għar fejn daħlet u qatt ma rawha iktar.
Hemm min jgħid li l-ġganti rtiraw taħt l-art, fejn darba intlemħu minn xi ħadd partikolari waqt żjara fl-Ipoġew ta’ Ħal Saflieni. Hemm min jgħid li spiss jisma’ wkoll il-biki ta’ bosta trabi.
Fil-Malti għandna l-kelma “Ġorf” jew “Ġolf” li tirreferi għal bniedem ta’ statura kbira, mela ġgant. Hemm min jgħid li qabel ma għebu għalkollox, kien hemm ġganti li kellhom x’jaqsmu ma’ bnedmin li minnhom imbagħad twieldu dawn il-bnedmin twal 9 jew 10 piedi u ta’ saħħa kbira.
Dawn huma fatti li nsibuhom irrakkuntati fil-ħrejjef miġbura minn Patri Manwel Magri. Fost il-ħrejjef li jittrattaw il-ġganti nsibu dawn:
- Ulied il-Ġganta jew in-Nisel tal-Għawdxin u tal-Mostin;
- Il-Mara li ġarret il-Ħaġar Kbir għall-Bini f’Malta u Għawdex;
- Il-Kuruna u l-Ġganti;
- Is-Swar tal-Ġganti;
- Tifel Jeqred Disa’ Ġganti;
- Tifla Teqred Ġganta.
Inti x’tiftakar u x’taf dwar il-ġganti?