Il-kompjuter għandu jintefa’ billejl?
Il-kompjuter għodda indispensabbli għal ħafna tant li jħalluh jagħti anke billejl. Minn stħarriġ li għamlet Panda Security, kumpanija Spanjola tas-cybersecurity, huma biss 37% tan-nies li jużaw il-kompjuter li jitfgħuh billejl. It-63% l-oħra jżommuh jixgħel b’ modi differenti. Dan isir billi jħalluh jew standby, hybernation jew inkella sleep mode. Tlieta u għoxrin fil-mija minn dawn is-63% saħansitra jħalluh il-ħin kollu għaddej. Illum ser naraw id-differenzi li hemm meta l-komputer jitħalla jixgħel jew inkella jkun qiegħed “mistrieħ” b’modi differenti.
Mhix l-iktar drawwa li l-kompjuter jitħalla jixgħel lejl sħiħ jew li saħansitra ma jintefa’ qatt. Minħabba raġunijiet ta’ funzjoni imma anke ta’ sigurtà informatika, wieħed għandu jevita milli jagħmel hekk. Professur mill-Politecnico ta’ Milan jisħaq illi meta l-kompjuter ma jitħallhiex jixgħel għal xejn, hemm ċans illi l-kompjuter iservi aktar fit-tul. Dan għaliex il-partijiet elettroniċi għandhom ħabta jiqdiemu aktar malajr minħabba t-temperatura tagħhom hekk kif ikunu qed jaħdmu.
Tlett tipi ta’ pawża
Infakkru li s-standby mode idealment għandu jintuża waqt li nwarrbu għal ftit minuti. Fil-mument li l-kompjuter ikun standby, l-attività tal-processor titnaqqas imma il-memorja RAM tibqa’ għaddejja biex il-kompjuter jerġa’ jistartja malajr. Is-sleep function għandha tintuża jekk niċċaqalqu għal xi siegħa. F’dan il-waqt, jibqgħu attivi ftit functions biss minn tar-RAM. Il-hyberantion mill-banda l-oħra tħalli mixgħula il-mikro-batterija li żżomm għaddej l-arloġġ u r-ritratt tas-sistema issevjat fuq id-disc fiss minflok jinżamm fuq ir-RAM.
X’inhu l-aħjar?
Il-kompjuter m’għandux jibqa’ għaddej matul il-lejl. Sakemm ma jkunx għaddej xi back-up jew xi update, il-kompjuter għandu jintefa’ sabiex tiġi mħarsa d-data u l-komponenti differenti tal-kompjuter jistrieħu ftit ukoll. Barra minn hekk, mhux kull programm li nużaw jkun miktub perfettament u għaldaqstant jkun hemm iktar ċans li s-sistema teħel jew tiltaqa’ ma xi intoppi.