Il-Maltin fl-Olimpjadi (1992-2020)
Ġewwa Barcellona, fl-1992, Malta ħadet sehem b’sitt atleti f’ erba’ dixxiplini differenti. Deidre Caruana ħadet sehem fil-100 u 200 metru ġiri, waqt li l-atleta Carol Galea ħadet sehem f’żewġ maratoni. Magħhom ipparteċipaw ukoll Horace Micallef fl-isparar, Jason Trevisian u Laurie Pace fil-judo u J.P Fleri Soler fl-ibburdjar
Erba’ snin wara ġewwa Atlanta, Malta kellha kontinġent ftit akbar meta Mario Bonello u Carol Galea ħadu sehem fl-atletika, Gail Rizzo u John Tabone fl-għawm, il-judoka Laurie Pace, it-tiratur Frans Pace, waqt li Andrew Wilson ipparteċipa fil-ibburdjar.
John Tabone reġa’ ħa sehem fl-olimpjadi ta’ Sydney fis-sena 2000, meta ipparteċipa flimkien mal-għawwiema Angela Galea. F’dik is-sena ħadu sehem ukoll Mario Aquilina fl-ibburdjar u l-atleti Mario Bonello u Suzanne Spiteri
Fl-2004 il-kontinġent Malti kien magħmul mill-atleti Dareen Gilford u Tanya Blake, Mario Aquilina fl-ibburdjar, l-għawwiema Neil Agius u Angela Galea, il-judoka Marcon Bezzina u t-tiratur William Chetcuti.
Fl-2008, William Chetcuti reġa ipparteċipa, u rnexxielu jtejjeb il-pożizzjoni tiegħu fuq 4 snin qabel, meta spiċċa fit-tmien post, Madankolla, minkejja li kien qrib ma rnexxielux jagħmilha mas-sitta finali. F’dik l-edizzjoni ħadu sehem ukoll Nicolai Portelli u Charlene Attard fl-atletika, Marcon Bezzina, kif ukoll l-għawwiema Madeline Scerri u Ryan Gambin.
Fl-edizzjoni tal-2012, William Chetcuti reġa’ pparteċipa għat-tielet darba konsekuttiva. Hu ħa sehem flimkien mal-għawwiema Andrew Chetcuti u Nicola Muscat, u l-atleti Diane Borg u Rachid Choual, b’Choual ikun l-akbar atleta li qatt irrapreżenta lil Malta fl-Olimpjadi.
L-atleti Luke Bezzina u Charlotte Wingfield, l-għawwiema Andrew Chetcuti u Nicola Muscat flimkien mat-tiraturi William Chetcuti u Eleanor Bezzina (airpistol) u weightlifter Kyle Micallef ħadu sehem fl-edizzjoni ta’ Rio 2016. L-edizzjoni tal-2020 kellha tiġi posposta b’sena minħabba l-Covid. Għal din l-edizzjoni ta’ Tokyo, Malta ħadet sehem b’kontinġent magħmul mill-atleta Carlo Scicluna, it-tiratriċi Eleanor Bezzina, l-għawwiema Andrew Chetcuti (li kien qed jieħu sehem għat-tielet darba) u Sascha Gatt u l-weightlifter Yasmine Zammit Stevens. Għal-ewwel darba, Malta ħadet sehem fil-Badminton permezz ta’ Matthew Abela.