Il-qamar bħala dar alternattiva. Lesti ngħixu fuqu?
Proprju ftit tal-jiem ilu s-satelliti tan-NASA li jorbitaw il-qamar skoprew li hemm tunnel fuqu: għandu wisgħa ta’ 45 metru u fond ta’ 76 metru, jinsab taħt iż-żona magħrufa bħala l-Baħar tas-Sliem, u wisq probabbli kien iffurmat mill-passaġġ tal-lava. Fiha nnifisha din hija skoperta eċitanti ferm, imma warajha hemm bosta kwistjonijiet politiko-internazzjonali ladarba ħafna pajjiżi se jibdew jippuntaw biex isiru proprjetarji ta’ żoni differenti tal-qamar għax fehmu li dan ifisser investiment u ammonti ta’ profitti kbar.
Aħbar bħal din iġġagħalna nistaqsu: meta nistgħu nibdew nippakkjaw biex nittrasferixxu ruħna fuq il-qamar li għal tant millennji ħarisna lejh mill-bogħod? Il-biċċa mhix daqstant faċli għalkemm l-iskoperta tat-tunnel żgur se tgħin lill-aġenziji spazjali jibqgħu fuq il-qamar għal perijodi itwal. Il-mina se tfisser protezzjoni tal-astronawti kontra l-kondizzjonijiet ambjentali estremi li jeżistu fuq wiċċ il-qamar. Biss biss, hemmhekk it-temperatura tvarja bejn -248 to +123 grad Celsius.
Għalkemm din hija skoperta xjentifika li seħħet proprju ftit ilu, l-idea ta’ mini taħt wiċċ il-qamar mhix waħda ġdida. Dwar dan ilhom jiktbu u jitkellmu mhux l-esperti tal-astronomija u x-xjenzati, imma l-kittieba tal-letteratura u l-kultura pop. Dawn minn dejjem ħolmu li joħolqu dinjiet alternattivi għal dik tagħna u l-prodott tagħhom rajnieh f’rumanzi, komiks, serje televiżivi u anki films li żammewna b’nifisna maqtugħ sal-aħħar, laqqgħuna ma’ kreaturi misterjużi u bosta drabi terribbli, u ġagħluna nġarrbu waqtiet ta’ emozzjonijiet kuntrastanti, fosthom ta’ biża’, ta’ avventura, ta’ stagħġib u l-bqija.
Xi wħud minna jiftakru r-rumanzi tal-kittieb Franċiż Jules Verne, wieħed minnhom bl-isem ta’ From the Earth to the Moon (1865), u s-sequel tiegħu Around the Moon (1869). Oħrajn jiftakru s-serje televiżiva li rajnieha bit-Taljan fuq ir-RAI bl-isem ta’ Spazio 1999, fejn komunità mdaqqsa ta’ xjenzati u esperti jkollhom jgħixu għal żmien twil fuq bażi lunari li tivvjaġġa matul il-galassja.
Iż-żmien meta l-aġenziji tal-vjaġġi jibdew jirreklamaw u jieħdu lil uliedna jew neputijietna fuq il-qamar mhux ’il bogħod.
Il-qamar se jkun skuża oħra biex il-potenzi tad-dinja jiġġieldu bejniethom?