Il-qari għandu benefiċċji kbar fejn jidħlu l-irqad, il-memorja u aktar…
Il-qari jista’ jservi bħala ħarba mid-dinja reali fejn tiffoka kompletament fuq storja ta’ xi ħadd ieħor, f’xi pajjiż ieħor u għal ftit ħin tinsa dak kollu li jkun għaddej madwarek. Madanakollu, dan mhux l-uniku benefiċċju tal-qari, dan hekk kif jista’ jservi wkoll bħala arma sigrieta għas-saħħa tiegħek! Apparti milli jgħinek tiskopri dinjiet ġodda, il-qari jista’ jgħin il-qalb, isaħħaħ il-memorja u jnaqqas l-istress. Hawn taħt, se nħarsu lejn erba’ benefiċċji tal-qari.
Naqqas l-istress
Il-qari jgħinek tirrilassa u tnaqqas it-taħbit tal-qalb, filwaqt li jirrilassa l-muskoli. Skond studju li sar mill-Università ta’ Sussex nstab li meta wieħed jaqra għal biss sitt minuti jista’ jnaqqas il-livell tal-istress b’68%. Studju ieħor kien sab li meta taqra għal 30 minuta, tkun qed tnaqqas il-pressjoni fid-demm u t-taħbit tal-qalb.
Saħħaħ il-memorja
Studju newroloġiku sab li meta wieħed jaqra, jista’ jittardja l-iżvilupp tal-Alzheimer’s b’ħames snin f’persuni ta’ 80 sena jew akbar. Studju ieħor kien sab li meta wieħed jaqra l-kotba għal tmien ġimgħat, b’mod konsistenti, isaħħaħ il-memorja.
Irqad aħjar
Il-qari qabel l-irqad jista’ jservi bħala attivita li tirrilassak qabel ma torqod, u għalhekk issaħħaħ il-kwalità tal-irqad. Skond studju, 42% tal-persuni li jaqraw qabel ma jorqdu ħassew li l-kwalità tal-irqad tagħhom tjiebet, ikkumparat għal 28% li qalu li ma rawx differenza.
Qalb aktar f’saħħitha
Il-qari ġeneralment isir fi stat parasimpatetiku, fejn it-taħbit tal-qalb u l-pressjoni fid-demm jonqsu. Meta wieħed jaqra xi ħaġa tad-daħk jista’ jnaqqas ukoll ir-riskju ta’ problemi tal-qalb, dan hekk kif jinkoraġġixxi r-rilaxx tal-ossidu nitriku li jespandi l-vini.