Iljuni u wċuħ koroh fil-ġonna pubbliċi!
Mammamia xi kruha! U kemm huma tal-biża’ ħej!!
Hu kliem li jiġi f’moħħok malli tiġi wiċċ imb wiċċ mal-maskri skolpiti fuq il-funtani f’ġonna differenti. Dawn jintrabtu ħafna mal-perijodu tal-Barokk, mela mas-sekli 17 u 18. Ġnien li ħa l-ħajja f’dan iż-żmien kien dak ta’ Romeo Romano li kien parti minn Casa Leoni, mibnija bħala villeġġjatura mill-Granmastru Manoel de Vilhena.
Ma setax jonqos li f’waħda mill-funtani f’dan il-ġnien naraw skolpita ras ta’ ljun. Matul l-istorja l-iljun, ir-re tal-kreaturi kollha, kien jirrappreżenta emblemi antiki tal-monarkija, tan-nobbiltà, tal-awtorità, u tal-poter. Ir-ras tal-iljun għalhekk tissimbolizza wkoll il-kuraġġ, is-saħħa u l-eċċellenza. L-iljun ma jirrappreżentax biss is-saħħa fiżika imma anki dik spiritwali. Għalhekk ras l-iljun qiegħda hemm anki biex tfakkarna li quddiem id-diffikultajiet kollha li nistgħu naffaċċjaw fil-ħajja, ġo fina hemm is-saħħa li tgħinna niġġuldulhom u nirbħulhom. Fil-feng shui – li hija prattika tradizzjonali li oriġinat fiċ-Ċina Antika li tuża forzi tal-enerġija biex twaħħad l-individwu mal-ambjent ta’ madwaru – jingħad li l-iljun jistabbilizza u jsaħħaħ l-ispirtu ġewwieni u jassigura suċċess f’dak kollu li nagħmlu.
Il-maskaruni jew maskri skolpiti fil-funtani jfakkru wkoll fil-kunċett tal-genius loci, jew aħjar dak l-ispirtu li jintrabat ma’ post partikolari u jmur lura sekli lura fiż-żmien. Huwa spirtu protettiv li jibqa’ preżenti fl-ispazju marbut miegħu, jgħaddi kemm jgħaddi żmien. Il-maskri li jafu jkunu grotteski, b’uċuħ jgħajbu jew jitkerrhu apposta, jintrabtu wkoll ma’ tifsir superstizzjuż li joħodna lura għat-twemmin pagan, mela ħafna qabel il-wasla tal-Kristjaniżmu. Jista’ jkun li xi wħud minnhom jintrabtu wkoll ma’ maskri ewlenin tat-teatru traġiku jew komiku Grieg.
Maskri bħal dawn setgħu jipproteġu kontra l-forzi tal-ħażen. Imma rwol ewlieni kien dak li jsebbħu ġonna privati u pubbliċi, u huma ħaġa waħda mal-għejun tal-ilma. Il-maskra hija skolpita direttament fil-ġebla. Il-ġebla tilqa’, tiggwida u twassal l-ilma għad-destinazzjoni. L-ilma li jnixxi mill-funtana ma jieqaf qatt u għalhekk joffri l-illużjoni li dak li hu marbut mad-dinja jinbidel f’xi ħaġa eterna bis-saħħa tal-arti, ir-reliġjon u s-sentiment uman.