In-notifications tħallihom on meta tkun qed tistrieħ?
Illum huwa fatt li nġorru l-mowbajl magħna kull fejn immorru u f’kull waqt. Tarana mixjin fuq il-bankini rasna ’l isfel iċċassati lejn l-iskrijn nibagħtu l-messaġġi lil min jaf min, jew insegwu xi video jew post ta’ xi influencer. Ninżlu t-taraġ bl-amment bla ma nafu min ikun għadda minn ħdejna. Insomma donna ngħixu jew nabitaw f’dimensjoni oħra minħabba dan l-aġġeġġ.
Il-mowbajl għalina qisu uffiċċju b’bosta segretarji jgħaddulek messaġġi differenti regolarment. Isem is-segretarji f’dal-każ huwa Messenger, Instagram, WhatsApp, TEAMS, Outlook, Google, Twitter, Facebook, u min jaf kemm iktar! Kull segretarja għandha leħen differenti, f’dal-każ ħoss partikolari li javżana li tkun daħlitilna notification.
Kemm minna l-mowbajl tiegħu ma jiqafx idoqq? Daqqa jsaffar, daqqa jtektek, daqqa jpespes, daqqa jdoqq xi parti minn kanzunetta għal qalbna… Ma jħalliniex kwieti! Bosta minna sirna niddependu minnu, nistennew li jidħol xi messaġġ, anki għax jekk le nħossuna mwarrbin, minsijin jew vojta minn ġewwa.
Veru sirna dipendenti, addicted għall-mowbajl, bħal skjavi ta’ dan l-oġġett teknoloġiku avvanzatissimu imma li qed jegħjina jum wara jum bla ma nafu? Ħarsa lejn l-iscreen time li nqattgħu ta’ kuljum jurina kemm dan hu veru.
Imbagħad meta nsibu waqt ta’ mistrieħ, forsi saħansitra nkunu mteddejna u se nagħlqu għajnejna għal ftit waqtiet isimgħu idoqq darba darbtejn tlieta u jiksrilna l-paċi tagħna bla heda! Hekk niftakru li ma għamilniehx silent u ħallina noffenduh sakemm ikollna nduru u nitfuh. Imma, x’ħasra, id-dannu jkun sar għax dak l-imbierek – jew misħut – mowbajl ikun tajrilna n-ngħas u addijo siesta ta’ waranofsinhar!
Iva, hemm ukoll dawk li jissejjħu “notification fatigue” u “information overload”. Soluzzjoni għal dan kollu hija li toħloq distanza bejnek u bejn il-mowbajl ħalli ma naqgħux għat-tentazzjoni, daqslikieku l-mowbajl kien xi pakkett gallettini li għalihom taqgħalna żaqqna. Trid tkun ukoll persuna ta’ rieda soda fis-sens li jekk iddediċdejt għal siegħa mistrieħ trid tkun dixxiplinata biżżejjed biex tagħlaq ħalq il-mowbajl u ma tħallihx itellfek.
Inti tagħmlu silent il-mowbajl tiegħek meta tkun trid tistrieħ?