Is-sabiħ mhux il-logħob bil-ballun biss…

 Is-sabiħ mhux il-logħob bil-ballun biss…

Huma bosta dawk li bħalissa qed isegwu l-fażi finali tal-EURO 2024. Kemm partiti! Kemm emozzjonijiet! Kemm delużjonijiet! Kemm sorpriżi!

Hemm min ħallih jiftaħar bit-tim favurit tiegħu, kemm lagħab tajjeb matul il-partita, kemm tella’ attakki, biex fl-aħħar mill-aħħar spiċċa ma rebaħx. Hemm min jgħaddi partita sħiħa jgiddem difrejh joffendi lill-plejers tat-tim favurit tiegħu ladarba qed joħduha bil-kalma, jaħlu xebgħa passes u jitfgħu l-ballun iktar barra milli fil-lasta!

Imma dan mhux kollox waqt partita tal-futbol. Tispikka l-folla ta’ għaxriet ta’ eluf ta’ spettaturi li jkunu qed iseguha fl-istess stadium, bil-kant tagħha, l-għajat, it-tixjir tal-bandieri, il-kostumi jew kpiepel li xi wħud jilbsu, iż-żebgħa fuq wiċċhom, il-ferħ, tbissim, biża’ jew uġigħ li spiss tara fuq ċerti wċuħ malli l-kameras jibdew jiffukaw fuq individwi partikolari.

Hemm il-logħba tad-dellijiet, ħafna drabi jkunu erbgħa meta l-partiti jintlagħbu filgħaxija u jkunu mixgħulin il-floodlights tal-istadium mill-erba’ naħat. Xi drabi tara d-dell ta’ xi ħaġa jiġri matul id-distanza kollha tal-playground, taħsbu xi ġurdien maħrub għall-ewwel biex imbagħad tinduna li din tkun kamera mpoġġija fil-għoli li ssegwi kull moviment tal-plejers waqt il-partita.

Hemm ir-riklami tal-isponsors għaddejjin il-ħin kollu fil-ġnub tal-grawnd fuq strixxuni virtwali li jaffaxxinawk bl-ilwien jgħajtu u bl-effetti speċjali, apposta biex jiġbdulek l-attenzjoni.

Sbieħ huma wkoll l-ilwien tal-flokkijiet tat-tims differenti, bħalma bosta drabi kkuluriti huma ż-żraben tal-futbol li jilbsu l-plejers. Anki l-lewn tal-flokkijiet tar-referee u l-ajjutanti tiegħu jispikkaw waqt li jkunu qed jagħmlu xogħolhom f’kollaborazzjoni u b’attenzjoni totali.

Hemm id-drabi meta l-kamera taqbad lil dak il-plejer jaqa’ apposta fl-art u jixxenja donnu qala’ daqqa sewwa mingħand ir-rivali tiegħu. Ħallih jitgħawweġ u jogħrok ’l hawn u ’l hinn qisu kiser x’imkien jew se jmut, sakemm jifhem li l-logħob waqaf u r-referee ta fawl jew karta safra lill-ieħor. Qisha logħba bejn it-tfal!

Imbagħad hemm id-dramma tal-kowċis li jissuġġerixxu lill-plejers tagħhom, jgħajtu, jinkwetaw, jitkerrhu, jifirħu, jiġġieldu mar-referee, skont il-mument.

Insomma, logħba futbol hija spettaklu tassew. U trid tara l-istampa sħiħa.

Lilek x’jolqtok l-iktar?

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com