Is-sħana estrema tista’ taffettwak b’dan il-mod…X’għandek tkun taf?

 Is-sħana estrema tista’ taffettwak b’dan il-mod…X’għandek tkun taf?

Fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet, esperjenzajna waħda mill-ewwel heat waves għal dan is-sajf. Propju mad-daqqa tal-ewwel jum tas-sajf, is-sħana li kienet qed takkumula tikka tikka attakkatna ħelu ħelu b’temperaturi li laħħqu madwar 35 gradi celcius. 

Skond diversi ċentri għall-kontroll u l-prevenzjoni tal-mard madwar id-dinja, sħana estrema tista’ tkun fatali. Allura huwa importanti li nifhmu l-ewwel nett kif is-sħana taffettwa lill-ġisem, u x’għandek tagħmel biex tieħu ħsieb lilek inniffsek u lil dawk ta’ madwarek.

Il-ġisem uman ġeneralment iżomm temperatura ta’ madwar 36 u 37 gradi celcius. Meta l-ġisem jisħon aktar milli suppost, tibda tgħoroq. Dan huwa l-mod li bih il-ġisem jarmi s-sħana żejda ‘l barra u b’hekk inaqqas u jikkontrolla t-temperatura. Apparti minn hekk, il-ġisem jiddirezzjona d-demm aktar sħun lejn il-ġilda, u b’hekk tibda tara ħmura fil-ġilda, partikolarment fil-wiċċ.

Mard relatat mas-sħana jista’ jiġi meta t-temperatura ta’ barra tkun aktar għolja minn dik tal-ġisem. Każi tat-tip iwasslu għal diffikultajiet fil-proċess tal-ikkontrollar tat-temperatura tal-ġisem. Intant, jekk ikun hemm umdità għolja wkoll, il-proċess isir aktar ikkumplikat għax minħabba f’hekk, l-għaraq ma jevaporax faċilment u jwassal sabiex it-temperatura tal-ġisem tkompli tgħola.

Persuni li huma l-aktar vulnerabbli għal mard relatat mas-sħana huma t-tfal, adulti avvanzati fl-età, persuni b’kundizzjonijiet kroniċi jew li jieħdu mediċini li jistgħu jaffettwaw ir-regolazzjoni tat-temperatura tal-ġisem, nisa tqal, persuni li jgħixu fit-toroq, atleti u ħaddiema li jaħdmu fuq barra, kif ukoll l-annimali.

Il-mard relatat mas-sħana jista’ jvarja minn puplesija, eżawriment, bugħawwieġ, ħruq fil-ġilda minħabba x-xemx u raxx ikkawżat mis-sħana.

 

 

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com