Is-sħana estrema tista’ taffettwalek il-burdata u s-saħħa mentali…ara kif
Bħalissa, is-sħana estrema qed tolqot diversi partijiet tad-dinja, fosthom lilna f’Malta. Ħafna qed iħossu li din is-sħana qed taffetwalhom il-burdata u anke s-saħħa mentali. Min jgħid li qed iħossu għajjien u frustrat, u oħrajn anke rrabjati…partikolarment jekk qalb din is-sħana jinqatalek id-dawl għal sigħat sħaħ!
Skond psikologi internazzjonali, is-sħana u l-iskonfort li ġġib magħha jikkawżaw impatt fuq il-burdata. L-iskonfort li jiġi minn sħana estrema tattiva dik li jgħidulha l-fight-or-flight response. Dan huwa r-rispons uman primittiv li jġiegħelek taġixxi b’ċertu mod sabiex issalva lilek innifsek. Allura, l-emozzjonijiet tal-bniedem ikunu aktar intensi tant li jista’ jkollok nuqqas ta’ rqad, tkun aktar irritat u jkollok aktar ansjetà, kollha elementi li jaffettwaw il-funzjoni konjittiva tal-bniedem.
Ħafna persuni jesperjenzaw ukoll dik li jgħidulha sunshine guilt. Din hija dik is-sensazzjoni tad-dwejjaq li tħoss meta ma tkunx qed tgawdi ġranet sbieħ minħabba s-sħana estrema. Dan partikolarment meta tibda tqabbel lilek inniffsek ma’ persuni li tarahom onlajn, qed igawdu x-xemx.
Kif tista’ taffaċċja aħjar l-emozzjonijiet li ġġib magħha s-sħana?
- Ifhem dak li qed tħoss – dak li qed tħoss huwa validu u għandek tirrikonoxxih, minflok tostor is-sentimenti ġo fik.
- Ixrob frekwentament – meta tkun diżidratat tista’ taffettwa b’mod negattiv il-funzjoni konjittiva kif ukoll il-burdata. Ara li tixrob ħafna ilma.
- Żomm lilek inniffsek frisk – uża fannijiet, arja kundizzjonata u xi banju jew xawer frisk biex tnaqqas it-temperatura tal-ġisem u l-irritabilità.
- Ibdel ir-rutina tiegħek – Kemm jista’ jkun evita li toħroġ fl-aktar ħinijiet sħan tal-ġurnata u ppjana l-attivitajiet fuq barra fil-ħinijiet l-aktar friski tal-ġurnata.
- Fittex l-għajnuna fejn hemm bżonn – jekk qed tħossok anzjuż jew qed tħoss sentimenti ta’ dipressjoni, fittex l-għajnuna ta’ psikologu jew terapista.