It-trabi għandhom bżonn rutina tal-irqad…imma l-adulti?
Irqad konsistenti huwa ta’ benefiċċju kemm għall-adulti, kif ukoll għat-trabi. Esperti tal-irqad jgħidu li r-rutina fejn jidħol l-irqad hija ta’ benefiċċju għall-adulti, iżda ħafna għandhom vizzji ħżiena f’dan l-ambitu.
It-trabi jaċċettaw aktar ir-rutina minħabba li moħħhom għadu qed jiżviluppa. Madanakollu, l-adulti jistgħu wkoll isegwu r-rutina tal-irqad jekk jiddedikaw lilhom innifishom biex jagħmlu dan. Biex ittejjeb l-irqad tiegħek ara li:
- Toħloq rutina – idealment il-ħin li fih torqod u tqum għandu jkun konsistenti ta’ kuljum.
- Segwi r-ritmu naturali tiegħek – jekk inti t-tip li ddum imqajjem, mela oħloq rutina li ddur mat-tendenzi naturali tiegħek. Evita wkoll li torqod f’ħinijiet li mhux normalment torqod fihom.
- Tiħux kafeina tard fil-ġurnata – evita l-kafeina bejn sitt u tmien sigħat qabel ma torqod.
- Tużax il-mowbajl qabel l-irqad – evita li tuża l-mowbakl bejn siegħa u sagħtejn qabel l-irqad. Id-dawl tal-mowbajl jista’ jaffettwalek b’mod negattiv il-kwalità tal-irqad.
- Qabel ma torqod iddedika ftit ħin għar-rilassament – aqra jew immedita għal madwar 30 minuta jew siegħa.
Jekk toħloq rutina u l-problemi jibqgħu jippersistu, tkellem ma’ tabib!