It-turiżmu tal-massa għandu l-ikrah tiegħu wkoll. Protesti fl-Ewropa.

 It-turiżmu tal-massa għandu l-ikrah tiegħu wkoll. Protesti fl-Ewropa.

Qed iseħħu moviment u protesti kontra t-turiżmu tal-massa fi bliet imfittxija ħafna bħal Venezja, Barċellona, Mallorca u Amsterdam. Dan għax l-Ewropa hija l-kontinent li jiġbed lejh l-ikbar numru ta’ turisti: qasam bħal dan isarraf f’10% tal-Prodott Gross Domestiku tal-Unjoni Ewropea.

Għaliex qed isiru l-protesti u minn min qed isiru? Protesti bħal dawn qed isiru mir-residenti tal-post li ilhom jissaportu ċerti nuqqasijiet għal snin twal. Fost dawn:

  • Il-prezzijiet tal-proprjetà u tal-kirjiet għolew drastikament tant li ma sarux affordabbli mir-residenti tal-post;
  • It-turisti li jiġu spiss jieklu fuq il-cruise liners u b’hekk iħallu ftit flus fl-ekonomija lokali ladarba ftit igawdu minnhom ir-ristoranti u businesses simili;
  • Ċerti lokalitajiet jiġbdu biss turisti li jfittxu l-parties u d-droga legalizzata u dan ifisser storbju u diżordni għan-nies li jgħixu fil-lokal;
  • Ġiet reġistrata żieda fit-tniġġis (id-dħaħen li jarmu l-cruise liners), fiż-żibel, u fil-konsum tal-ilma u tad-dawl.

Fid-dawl ta’ problemi bħal dawn ċerti bliet diġà ħadu deċiżjonijiet drastiċi. Venezja bbenjat il-cruise liners kbar biex tnaqqas it-tniġġis tal-arja, filwaqt li għolliet sewwa s-city tax li kull turist irid iħallas għal kull ġurnata li jqatta’ fiha. Barċellona mhix se tħalli libertà sħiħa lill-proprjetarji ta’ appartamenti u B&Bs li jikru bl-addoċċ lit-turisti. Dan qed tagħmlu sabiex fil-futur qrib in-nies tal-lokal ikunu jistgħu jaffordjaw jikru huma l-appartamenti vakanti.

Ċerti proprejtarji tal-ħwienet li ġew intervistati mill-midja sostnew li qabel kienu jiġu inqas turisti, imma kienu jħallu iktar qligħ warajhom għax kienu turisti li ma jibżgħux jonfqu.

Bosta nies li jgħixu f’Barċellona, Venezja, Palma u bliet mifqugħin mit-turiżmu tal-massa oħrajn qed jifhmu li l-iskuża tat-tkabbir ekonomiku m’għadhiex valida. Hemm fatturi soċjali u ekoloġiċi importanti li jeħtieġu jiġu indirizzati.

Soluzzjoni waħda hi dik li l-għadd tat-turisti jiġi limitat, skont kemm il-bliet inkwistjoni jifilħu. Bosta jsostnu li hemm bżonn jinstab bilanċ ladarba mingħajr it-turiżmu ċerti bliet ma jfendux ekonomikament.

Malta se tgawdi minn dawn il-protesti? Se jiġu iktar turisti f’pajjiżna minħabba hekk? Żgur li dina tkun aħbar tajba għalina?

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com