It-TV fis-snin’ 80, żmien il-brodu?
Minn dak iż-żmien ’l hawn għaddew iktar minn 40 sena. Bosta minna konna għadna tfal jew żgħażagħ imma llum kbirna, u intant dħalna f’seklu ġdid ieħor ukoll.
Is-snin ’80 kienu żmien meta fid-dar ta’ bosta bdew deħlin it-televixins tal-kulur, imma ħafna kienu għadhom jinqdew bis-settijiet black&white. Kienu s-snin meta kif tħares ’il fuq mit-triq kont tara mijiet ta’ arbli bi tlieta jew erba’ erjals differenti mwaħħlin magħhom, b’erba’ jew tmien ventijiet, skont it-tul tal-kanna. Dan biex jilqa’ kontra l-jiem ta’ riħ qawwi.
Fuq nett kien ikun hemm l-erjal tar-Rai 1 u taħtu tar-Rai 2 (jew tas-Secondo, kif konna nsejħulu). Imbagħad taħt kien hemm erjal iżgħar biex nirċievu l-stazzjon televiżiv tal-Malti. Mhux kollox kien ward u żahar bħal-lum. Min jaf kemm-il darba missierna tela’ jixxabbat mal-arblu fuq il-bejt biex idawwar l-erjals fid-direzzjoni t-tajba ħalli l-istampa ma tibqax bir-ross, bilkemm tidher! Min jaf kemm-il darba għajjat minn fuq għal isfel, “Hekk orrajt, kif inhu?!”, u aħna weġibna “Għadu ma jidher kważi xejn! Hekk naqra aħjar! Ieqaf, hekk perfett!”
Imbagħad kien hemm ukoll il-biċċa tal-boosters, aġġeġġi f’forma ċilindrika ta’ daqsijiet u saħħa differenti, li kienu jitwaħħlu mal-arbli tal-erjals. U min jiftaħar bil-kobor u bis-saħħa tal-booster li kien xtara u waħħal, u erħilu jara ċar l-Antenna Sicilia u t-Teleblea bla ebda tfixkil ta’ xejn!
Kulma kellna kien sett tat-tv wieħed, stampa monokromu, bla remote. Fejn l-iskrijn fuq il-lemin kien ikun hemm is-swiċċijiet tondi: wieħed għall-volum, l-ieħor biex taqleb mill-UHF għall-VHF, u ieħor biex tiskura jew tiċċara l-istampa. Kont trid tqum minn postok biex taqleb il-kanali bis-swiċċ ifaqqa’ “Tak tak tak…” int u ddawru skont kif idur l-arloġġ jew bil-kontra.
Fil-bidu tas-snin ’80 kellna l-barka li fl-Italja, permezz ta’ Berlusconi u oħrajn bħalu, bdew jitwieldu iktar kanali. Niftakar meta fetħu l-Canale 5, l-Italia 1 u r-Rete 4. Kollox bit-Taljan, programmi u kartuns kemm trid, kulħadd bil-programm favurit tiegħu. Hekk tgħallimna t-tielet lingwa, it-Taljan!
Inti x’tiftakar minn dan kollu?