Iżżeggeg, issaffar u żżabbab…
Fil-lingwa li nitkellmu bejnietna fil-ħajja ta’ kuljum nużaw kliem li forsi bla ma dejjem nindunaw jiddeskrivi ħoss jew azzjoni. Huwa kliem li bosta drabi nużaw anki bħala enfasi, jiġifieri biex insaħħu xi punti li nkunu rridu nwasslu lil ta’ madwarna. F’dan il-każ it-terminu huwa onomatopea, kelma li ħafna minna jiftakru żgur minn żmien meta konna nistudjaw il-Malti u l-Ingliż fil-livell Ordinarju.
Xi wħud minn dawn il-kelmiet onomatopejċi huma “żżeggeg” jew “iżżabbab” (li nużawhom biex bħal nisfidaw lil dak li jkun), “issaffar” (li tiddeskrivi ħoss partikolari li jixbah lil dak tal-għasafar, imma hi kelma oħra ta’ sfida), “seksek” (li tiddeskrivi lil xi ħadd li jħobb jitkixxef, u forsi l-kelma tfakkar fil-ħoss li nagħmlu meta ngħaddu t-tagħrif minn taħt l-ilsien biex ma ninstemgħux), “farfar” (li b’xi mod tfakkar fil-ħoss li tisma’ meta tagħmel dan il-moviment), u “keskes” (oriġinalment użata biex tkeċċi ’l hemm lil xi annimal jew xi ħadd li jdejqek, imma anki biex issaħħan lil xi ħadd biex jiġġieled).
Xi wħud minna smajna l-kelma “maħmaħ” (tkellem billi lissen il-kliem minn imnieħru jew minn grieżmu, b’fommu kważi magħluq), “ħarħar” (il-ħoss tan-nifs meta joħroġ bi tbatija), jew “ħaxħax” (li jfakkar fil-ħoss meta tirfes il-ħaxix niexef jew tgħaffeġ xi karta).
Hemm il-kliem li jiddeskrivi l-ħsejjes li jagħmlu ċerti annimali, bħal “żanżan” (il-ħoss tan-naħal jew tad-dubbien), “qawqab” (il-ħoss li jagħmlu n-nagħal taż-żiemel hu u miexi), “pespes” jew “ċejjaq” (jiddeskrivu l-ħsejjes li jagħmlu l-għasafar”, u “waqwaq” (l-għajta taċ-ċawla).
Imbagħad nużaw kliem ieħor li hu xi ftit jew wisq vulgari – fis-sens li hu użat mill-popolin – bħal “basbas”, “pexpex”, “tfewwaq”, “bewwel”, imma anki “legleg” xi pinta birra jew inbid.
Nafu wkoll bi kliem onomatopejku li jintrabat mad-dinja naturali bħar-riħ li “jvenven”, il-qasba li “ċċaqċaq”, ix-xita li “traxxax”. Kelma antika għal dik li bl-Ingliż tfisser “waterfall” hija “xarxira” (li tiddeskrivi l-ħoss tal-ilma nieżel). L-isparkling water “ifexfex” malli tferrgħu fit-tazza.
Xi sbuħija ta’ kliem! Kemm hu dinamiku u ħaj ilsienna!
Inti taf iktar minn dan il-kliem?