“Jaqaw tqila?”…aħna l-Maltin nafu nigdmu lsienna?
Post li ġibdet l-attenzjoni fuq Facebook din il-ġimgħa rrakkuntat l-istorja ta’ mara li staqsewha jekk kinitx tqila. Din ma kinitx tqila, iżda sempliċiment fl-aħħar żmien kienet żdiedet ftit fil-piż, xi ħaġa li diġà kienet konxja tagħha. Hi spjegat kif hi diġà kienet qed tħossha ħażin inġenerali minħabba li żdiedet fil-piż, u sostniet li dan il-kumment li għaddewlha kissirha emozzjonalment.
Hi spjegat li mhux sew li dak li jkun jgħaddi kummenti tat-tip għax qatt ma tkun taf minn xiex tkun għaddejja persuna. Qalet li anke jekk il-persuna tkun verament tqila, mhux prudenti li taqbad u tistaqsi qisha l-ħaġa hija affari tiegħek. Apparti minn hekk, jista’ jkun li l-persuna forsi tkun għaddejja minn xi problemi ta’ infertilità, u mistoqsija tat-tip tista’ toħloq ħafna swied ta’ qalb.
Kienu diversi n-nisa li kkummentaw u empatizzaw mal-mara. Sostnew li ħadd m’għandu jgħaddi kummenti dwar id-dehra fiżika ta’ persuna u nsistew li hemm bżonn aktar kuxjenza u empatija. Anke jekk b’fini ta’ xejn, meta dak li jkun jgħaddi kumment, ma taf qatt kif se tirċevieh il-persuna l-oħra.
Oħrajn qalu li għaddew minn esperjenzi simili u li kellhom irabbu qoxra biex ma jħallux kummenti tat-tip jaffettwawhom. Oħrajn qalu li kienu jwieġbu bil-frażi “le, mhux tqila, ħoxna!” u immedjatament kienu jaraw lil dak li jkun jitħawwad bħal qisu ma jafx x’se jwieġeb. Forsi risposta tat-tip tħalli lill-persuna bla kliem tant li forsi tistħi tistaqsiha darb’oħra.
Dan kollu jħallina b’xi ftit mistoqsijiet…aħna l-Maltin nafu nigdmu ftit ilsienna? Hemm bżonn nistaqsu lil dak li jkun dwar għaliex ġismu jidher kif jidher? Personalment, lilna, f’ħajjitna, x’differenza se tagħmlilna li nkunu nafu jekk persuna hix tqila jew le?
Qabel ma nistaqsu jew nikkummentaw, ejjew nieqfu għal ftit sekondi u naħsbu: “jekk xi ħadd jistaqsini l-istess ħaġa, inħossni tajba?” u “hemm ċans li nweġġa’ lil dak li jkun bil-mistoqsija tiegħi?”