Kemm hu effettiv it-Team Building?
Dawn l-aħħar snin, l-attivitajiet tat-Team Building saru pjuttost komuni fuq il-postijiet tax-xogħol. Anke jekk ikun hemm ċertu xogħlijiet li huma mibnija fuq il-ħidma tal-individwu, kulħadd jaf li f’xi ħin jew ieħor irridu naħdmu b’mod kollettiv anke ma’ kollegi oħra fuq il-post tax-xogħol. Li taħdem f’tim mhux dejjem faċli, speċjalment fejn jidħlu fin-nofs l-elementi ta’ fiduċja, kooperazzjoni u anke komunikazzjoni.
Kulħadd huwa differenti u biex tim ikun effettiv għandu bżonn tmexxija pożittiva, dedikazzjoni u impenn kontinwu mingħand kull membru fil-grupp. Fir-realtà, l-iskop tat-Team Building huwa li jgħaqqad il-kollegi tal-post tax-xogħol flimkien sabiex jiskopru aktar lil xulxin u jaħdmu b’mod varjat f’kuntest li mhux tas-soltu. Imma li l-maniġment joffri attivitajiet ta’ Team Building, huwa realment effettiv? Ħa naraw il-vantaġġi u l-iżvantaġġi li joffri t-Team Building.
Il-vantaġġi:
It-team building jagħti ċ-ċans li:
- Ssir taf aħjar il-kollegi tiegħek
- L-istaff jimmotiva ruħu aktar
- Ssir promozzjoni ta’ ideat u kunċetti ġodda
- Sservi bħala attività ta’ gost
L-iżvantaġġi:
- Fil-verità dawn l-attivitajiet jieħdu ħafna ħin biex jiġu ppreparati u anke biex iseħħu. Barra minn hekk, biex wieħed jieħu l-aqwa riżultati minnhom, dawn iridu jsiru iktar fuq mod regolari. Madanakollu, kulħadd jaf, li biex l-attivitajiet jiżvolġu ruħhom, il-ħin tal-produzzjoni mix-xogħol proprja jkun qiegħed jitnaqqar.
- Normalment l-attivitajiet tat-Team building jiġu fdati f’idejn kumpaniji li jispeċjalizzaw fuq dawn l-affarijiet. Għaldaqstant, biex team building isir, jintefqu wkoll ħafna flus. M’hemmx għal fejn ngħidu, mhux kull min iħaddem għandu l-istess ammont ta’ riżorsi.
- It-Team building jista’ wkoll joħloq l-effett oppost minn dak mixtieq. Ikun hemm min hu kompettitiv iżżejjed u allura tidħol ċertu pika. Ikun hemm min ukoll ma jarax għajn m’għajn u sitwazzjoni bħal din tagħti lok għal aktar diżgwid.
- Mhux kulħadd iħobb dawn it-tip ta’ attivitajiet. Dejjem ser ikun hemm min iħoss li aħjar kompla xogħlu jew li nkella dawn huma eżerċizzji li jsiru għal xejn.
Minkejja kollox, jekk dak li jkun jagħmel xi ftit sforz, attivitajiet simili jistgħu jħallu l-frott. Fl-aħħar mill-aħħar, hemm drabi fejn aktar inqattgħu ħin mal-kollegi tax-xogħol milli ma’ persuni oħra. U intom x’jidhrilkom mit-Team Building?