Kemm int pessimist, razzist, femminist…!

 Kemm int pessimist, razzist, femminist…!

Hemm ċerti kelmiet li nisimgħuhom jingħadu spiss. Jiġuk fuq ilsienek bla ma tkun ħsibt ħafna u bla ma tkun trid jaqbżu mill-ponta ta’ lsienek u f’tebqa t’għajn – daqslikieku kienu ħlejjaq ħajjin – tismagħhom jingħadu minnek innifsek.

Kemm-il darba nisimgħu lil min ikun qed jilmenta dwar sitwazzjoni partikolari u ngħidulu “Kemm int pessimist!”? Ħalliha li jkollu raġun! U min ma jdejquhx it-traffiku wieqaf, is-sħana estrema tas-sajf fix-xemx, it-trabijiet u d-dħaħen fl-arja li nieħdu nifs minnha, il-ħmieġ f’ċerti toroq, jew l-aħbarijiet tal-ħabba gozz li spiss nisimgħu fuq il-midja soċjali?! Iktar milli pessimist, dak li jkun ikun qed jitkellem dwar fatti reali, mela iktar toqgħodlu t-tikketta ta’ realist.

Kelma oħra li saret moda u fuq fomm bosta llum iktar mill-bieraħ hija “razzist”. Tisma’ spiss jingħadu: “Kemm int razzist!”, “Ma nkunux razzisti ta!” jew “Poplu razzist!” F’dan il-każ irridu noqogħdu attenti kif nużaw kliem bħal dan. Spiss tisma’ lil min jilmenta li pajjiżna qed ibati mis-sovrapopolazzjoni, jew li l-postijiet tax-xogħol qed jittieħdu mill-barranin, jew li l-mezzi tat-trasport pubbliku qed ikunu mifqugħin b’persuni barranin iktar milli Maltin. Dan ma jfissirx li dak li jkun hu razzista, ladarba ma jkunx qed jirreferi għal poplu partikolari, imma għal sitwazzjoni ta’ fatt. Xorta, niftakru li rridu nuru rispett lejn kulħadd.

Hemm imbagħad dawk li jaħsbu li r-raġel fis-soċjetà għadu l-kap ta’ kollox jew li d-dinja ddur madwar il-maskil biss. Meta jkun qed jitkellem jippretendi li s-sieħba tiegħu toqgħod hemm tisma’ biss u ma tiftaħx ħalqha. Hemm min jaħseb li d-dinja għandha titmexxa minn irġiel biss u li n-nisa għandhom jingħataw biss ċerti pożizzjonijiet mhux daqstant ta’ responsabbiltà, jew li hu tajjeb li l-mara taħdem barra u ġewwa d-dar u trabbi l-ulied fl-istess ħin bla ma jagħti daqqa t’id. Lil min ma jaqbilx ma’ dan kollu u jiddefendi d-drittijiet tal-mara ħallih jingħata t-tikketta ta’ femminist.

X’piż għandhom tikketti bħal dawn? Dejjem ikollna raġun meta niddeċiedu li nsejħu lil xi ħadd hekk?

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com