Kemm nobogħdu nhar ta’ Tnejn!
Kemm minna kif jasal il-Ħadd waranofsinhar bħal ninħakmu minn anzjetà antiċipattiva u nibdew inħossu diġà t-toqol ta’ ġimgħa oħra xogħol jew skola fuq spallejna?! Hemm min isejjaħ dan “biża’ mill-Ħadd”. Minkejja dan, tajjeb li nkunu nafu li hemm ċerti strateġiji li jistgħu jgħinuna nnaqqsu minn dan l-istress li jaħkimna kull tmiem il-weekend. Dan billi nipprogrammaw mill-ġdid lil moħħna u ngħinuh jaħseb b’mod differenti u aktar pożittiv rigward il-ġimgħa li tkun se tibda.
Il-“biża’ mill-Ħadd” jista’ jkun iġġenerat mill-istress marbut max-xogħol fl-uffiċċju jew man-nuqqas ta’ ħin liberu. Nibdew naħsbu diġà matul tmiem il-ġimgħa dwar xi preżentazzjoni jew proġett li rridu neħilsu fuq il-post tax-xogol jew xi assignment li rridu nlestu jew eżami li jeħtieġ nagħmlu matul il-ġimgħa. Anki l-ħsieb li rridu nqumu tant kmieni filgħodu jum wara jum u naffaċċjaw it-traffiku krudil jaf jistressjana. Dan hu biża’ marbuta mal-mod kif nimmaniġġjaw l-istati emozzjonali tagħna u kif norganizzaw l-attivitajiet ta’ kuljum.
Dan il-biża’ jista’ jitnaqqas permezz ta’ għadd ta’ strateġiji:
- Nistgħu ninkludu fir-rutina tagħna numru ta’ attivitajiet ġodda. Dan jista’ jtejjeb is-saħħa fiżika u mentali tagħna, il-kwalità tal-irqad li norqdu u anki l-produttività tagħna. Huma attivitajiet għal qalbna li nistgħu nqassmu matul il-jiem tal-ġimgħa, bħal xi passiġġata wara l-ikel, xi sessjoni yoga jew viżjoni ta’ xi serje tv favurita.
- Hu importanti li nirregolarizzaw ir-ritmu tal-ħin li ngħaddu mqajmin u dak reqdin. Il-ħarġiet mal-ħbieb u l-attivitajiet soċjali huma bżonn, imma daqstant importanti huma s-sigħat li norqdu. Nuqqas ta’ rqad u sigħat esaġerati ta’ divertiment tard bil-lejl jistgħu jinfluwenzaw il-burdati tagħna.
- Mod ieħor kif innaqqsu mill-biża’ tal-Ħadd hu dak li ma nħallux proġetti jew assignments pendenti sal-Ġimgħa filgħaxija, imma nippruvaw inqassmu x-xogħol matul il-jiem tal-ġimgħa kollha u nlestuh qabel.
- It-Tnejn filgħodu nibdewh b’passiġġata lejn il-post tax-xogħol jew waqt il-pawsa ta’ nofsinhar, filwaqt li nisimgħu l-mużika favurita jew xi podcast għal qalbna.
- Jistgħu jgħinuna wkoll eżerċizzji ta’ rilassament bħal meditazzjoni, yoga u nifsijiet fil-fond.
Ejjew inħarsu lejn il-ġimgħa sħiħa b’aktar pożittività.