Kif kont tiltaqa’ ma’ sħabek mingħajr il-mowbajl?
L-ewwel mowbajl li kelli xtrajtu lejn l-aħħar tas-snin ’90 tas-seklu l-ieħor. Kien hemm diġà min kien ilu jużah iktar minni, imma sar moda mis-sena 2000 ’il quddiem. Qatt ma għaddieli minn moħħi li kellu jasal dak iż-żmien meta permezz ta’ aġġeġġ teknoloġiku żgħir stajt tidħol f’kuntatt mad-dinja fejn u meta trid u dan bi prezz relattivament baxx ħafna.
Kif konna nikkomunikaw bejnietna l-ħbieb biex niltaqgħu bla mowbajl? Jekk konna għadna l-iskola, allura konna niftehmu bejnietna bil-kelma u wiċċ imb wiċċ. Kien hemm ukoll il-youth centres u inizjattivi oħrajn li jiġbru liż-żgħażagħ flimkien. Il-kelma kienet tiġri u grupp żgħir seta’ jikber malajr jekk il-biċċa tingħoġob. Fost il-postijiet li konna mmorru kien hemm id-diskoteka, iċ-ċinema, iċ-ċentru tal-bowling, xi ġurnata l-baħar, jew xi mixja twila fil-kampanja matul ix-xitwa fi tmiem il-ġimgħa.
Kien hemm fuq kollox it-telefown tal-linja fissa d-dar. Min jaf kemm sigħat għaddejna npaċpċu ma’ ħbiebna, bil-ġenituri jgorru jew jgħajtu wara daharna għax il-kont kien se jitla’ m’ogħla s-sema! Iva, telefonata kienet tiswa ħafna iktar mil-lum dak iż-żmien u l-pagi kienu inqas.
Għal min xtaq post iktar privat, allura kien jixtri card tat-telefown – li kien hemm min iġġemmagħhom – u jmur iċempel minn telephone booth barra. Anki hawn però seta’ jsib min idejqu jekk idum ħafna jitkellem fuq it-telefown pubbliku.
F’postijiet bħall-Università kien ikun hemm notice boards apposta fejn jitwaħħlu flyers li jinfurmaw lill-istudenti dwar attivitajiet differenti li kienu se jsiru. Konna nsegwu ħafna iktar ir-radju u noqogħdu attenti għall-pubbliċità dwar avvenimenti soċjali bħal kunċerti, teatru jew rave parties. Wieħed jgħid lill-ieħor u bosta jitħajru, iżommu d-data u l-ħin f’moħħhom, u arana niltaqgħu għall-event.
Ngħiduha kif inhi, ġieli stennejna aktar minn siegħa lil dawk li kellhom il-ħabta jaslu tard, bla ma nafu eżattament x’seħħ minnhom. Imma konna nistennewhom, anki jekk meta jaslu kienu jaqilgħu xi ċamata bejn il-ħbieb.
Kellna postijiet fissi fejn niltaqgħu, bħall-kjosk tal-ħalib fil-venda tal-Belt.
Inti x’kont tagħmel bla mowbajl biex tiltaqa’ ma sħabek?