Kif tagħżilha l-fwieħa?
Għal min iħobb il-fwejjaħ jaf tkun diffiċli sakemm jagħżel il-fwieħa tiegħu. Dan għaliex l-għażla vasta li teżisti ġġiegħlek xxomm waħda u tinsa l-oħra. Jeżistu fwejjaħ li għandhom il-fragranza tagħhom ibbażżata fuq fjuri, ħwawar u anke injam.
Ta’ min ikun jaf liema huma l-elementi li jsawru l-fragranza ta’ fwieħa u l-proċess li l-fwieħa tgħaddi minnu hekk kif din tibda tevapora ruħha fuq il-ġisem uman. Jeżisti l-ewwel livell fejn ir-riħa bażi tinxtamm hekk kif tintuża l-fwieħa. It-tieni fażi sseħħ meta l-fwieħa tisħon mal-ġisem jew toqgħod mal-ħwejjeg ta’ individwu u joħorġu essenzi li jkunu distingwibbli. It-tielet livell, l-aktar importanti, jirreferi għal dik ir-riħa li tibqa’ tinxtamm fuq persuna wara li jkun għadda ċertu ħin. Din ir-riħa għaldaqstant tvarja minn persuna għall-oħra għaliex fuq kull individwu jkollha effett uniku. Fil-fatt, l-aħjar mod biex tagħżel il-fwieħa huwa dak li tipprova t-tester fuq il-polz tiegħek u tħalliha toqgħod għal ftit minuti. Huwa b’hekk illi tkun tista’ tieħu deċiżjoni aktar eżatta għaliex tkun tista’ tiġġudika l-effett li ħalliet fuqek.
Kif għedna, fwieħa partikolari ma jkollhiex l-istess effett fuq kull individwu. Tajjeb li dak li jkun jagħżel it-tip ta’ fwieħa li ġġiegħlu jħossu komdu u kunfidenti biżżejjed biha. L-għażla tista’ tiddependi ukoll fuq l-età. Persuna fuq l-għoxrinijiet ikollha perspettivi u gosti differenti minn meta jkollha erbgħin. Jista’ jkun li meta bniedem ikun żgħir jagħżel fwejjaħ li jkollhom riħa ta’ frott u meta javvanza fl-età jkun jixtieq fwejjaħ li jkollhom riħa qawwija aktar u abbażi ta’ ħwawar.
L-istaġuni wkoll jistgħu jimpattaw l-għażla tal-fwieħa. Fix-Xitwa hemm iktar ċans li jintgħażlu fwejjaħ ħelwin fil-waqt li fis-Sajf imorru l-aktar fwejjaħ ta’ natura friska. Meta bniedem juża fwieħa mhux neċessarjament għandu juża kull darba lilha. Il-burdati tagħna jvarjaw minn ġurnata għall-oħra u għaldaqstant ikun tajjeb li nagħżlu dik il-fwieħa li l-aktar tirrapreżentana f’dak il-jum.
U intom, x’tipi ta’ fwejjaħ tħobbu l-aktar?