Kont taf li l-banana tista’ tgħinek jekk qed tipprova tonqos?
Il-frotta tal-banana m’hix biss versatili, iżda hija nutrittiva, tant li nsibuha f’diversi tipi ta’ platti u xarbiet differenti. Madanakollu ssib lil min jistaqsi jekk għandux jaqta’ l-banana jekk qed jagħmel id-dietà.
Nutrizzjonisti internazzjonali jgħidu li l-banana tista’ tiġi integrata fil-pjan tiegħek meta tkun qed tipprova tonqos. Tant li jgħidu li jekk tiekol banana kuljum, ma tkunx qed tagħmel ħsara.
Il-benefiċċji tal-banana
- Għandha ħafna nutrijenti – il-banana hija mimlija vitamina B6 u Ċ, potassju, magniżju u fibra. Il-potassju jgħin il-funzjoni tan-nervituri u l-muskoli, u b’hekk il-banana titqies bħala snack perfetta għal wara l-eżerċizzju fiżiku.
- Minħabba li fiha l-fibra, il-banana tgħinek tħossok mimli aktar fit-tul u tnaqqaslek il-possibilità li tkun trid tiekol affarijiet ħelwin.
- Hija ġentili fuq l-istonku – infatti huwa faċli li tiddiġeriha u tgħin ħafna fejn tidħol il-funzjoni gastrointestinali.
X’inhuma l-iżvantaġġi?
Il-banana fiha madwar 26 gramma ta’ karbojdrati u 18-il gramma ta’ zokkor naturali. Skond nutrizzjonisti, il-banana għandha tittiekel flimkien ma’ ikel li fih il-proteina u xaħmijiet tajbin biex tistabbilizza z-zokkor fid-demm. Banana ta’ daqs medju fiha madwar 100 kalorija. Meta tiekol ħafna banana, jekk ma takkumpanjahiex ma’ nutrijenti addizzjonali, tista’ toħloq problemi fil-vjaġġ tiegħek biex tonqos fil-piż.
Il-konklużjoni ta’ dan kollu huwa li filwaqt li l-banana tista’ tinkludiha fid-dietà tiegħek, għandek tiekolha b’moderazzjoni u mingħajr ma teżaġera.