Kont taf li l-Petting Farm għandu l-benefiċċji tiegħu?
Kemm minna jafu bl-eżistenza tal-Petting Farm li hemm f’Ta’ Qali? Ċert li hemm bosta li xi darba jew oħra ħadu lit-tfal ċkejknin tagħhom f’dan l-ispazju biex jaraw annimali differenti bħal tiġieġ u sriedaq, nagħaġ u mogħoż, żiemel, ħmir, llama, għasafar differenti, fniek u fniek tal-indi. Il-Petting Farm sar iktar possibbli li żżuru minn meta sar parti mill-Park Nazzjonali ta’ Ta’ Qali u fih tista’ tidħol bla ma tħallas u tgawdi l-kwiet tal-ġnien pubbliku kbir, kif ukoll il-kumpanija sabiħa u innoċenti tal-annimali.
L-idea wara l-Petting Farm hija dik li t-tfal jitgħallmu kif l-annimali tar-razzett jgħixu u jissoċjalizzaw. It-tfal ikunu jistgħu saħansitra jmellsu lill-annimali, jinteraġixxu magħhom u drabi oħra anki jitimgħuhom. B’dan il-mod it-tfal ikunu qed jitgħallmu wkoll kif jieħdu ħsieb u jħobbu l-annimali, imma anki valuri bħalma huma l-empatija u l-altruwiżmu.
Waqt li tkun qed tmelles lil dawn l-annimali tkun qed takkwista ċerti benefiċċji, fosthom tgħin biex il-pressjoni tad-demm tibqa’ baxxa, tapprezza s-sbuħija tan-natura, u tirrilassa.
Ma ninsewx però li hemm ukoll il-kwistjoni tas-saħħa fiżika u mentali tal-istess annimali. Biss biss, spazju bħal dan joffri refuġju jew santwarju lil dawn l-annimali tar-razzett jew domestiċi. Hemm saħansitra l-awtorità li tieħu ħsieb il-benessri tal-annimali, anki tobba veterinarji li jimmonitorjaw regolarment is-saħħa tagħhom u staff apposta li jara li l-ambjent ikun dejjem nadif fil-Petting Farm.
Il-Petting Farm hu parti mill-Park Nazzjonali ta’ Ta’ Qali, ġnien u żona għall-pikniks enormi mimlija siġar u min jaf kemm-il speċi ta’ għasafar li jsibu rifuġju fih. Żona bħal din qiegħda hemm biex tmur timxi u tirrilassa fil-kwiet naturali, anki tard filgħaxija meta jidlam ladarba jibqa’ mixgħul għal min irid igawdih f’kull ħin. Hija żona abitata wkoll minn ħafna qtates: hemm persuni apposta li jieħdu ħsiebhom u jitimgħuhom kuljum, u anki xelters apposta biex dawn il-qtates jistkennu mix-xita u l-maltemp.
Hija ħaġa sabiħa li l-Petting Farm fis-snin li ġejjin jibqa’ jgawdi matul is-sena kollha atmosfera ta’ sliem u kwiet.