Kont taf li minkejja l-piż tagħhom, l-ippopotami jistgħu jtiru?
Skont riċerki li saru dan l-aħħar mir-Royal Veterinary College (RVC) fir-Renju Unit, instab li meta jiġru l-ippopotami jafu jaqtgħu kompletament l-art għal meded ta’ 0.3 sekonda. Kif jista’ jkun dan meta dawn il-mammali jiżnu bejn wieħed u ieħor żewġ tunnellati?
L-istudji tar-RVC juru li, kontra annimali ta’ statura kbira bħall-iljunfanti u r-rinoċeronti, l-ippopotami jafu kif jittrottaw meta jkunu qed jiċċaqalqu, u b’hekk jiksru kull limitu li annimali tal-art daqshom jistgħu jagħmlu. Dan ġie nnutat wara li r-riċerkaturi b’sabar kbir qagħdu jaraw video recordings ta’ ippopotami kif jiċċaqalqu, imma anki segwewhom wiċċ imb wiċċ fl-abitat naturali tagħhom.
Il-Professur John Hutchinson, espert fil-bijomekkanika evoluttiva u l-persuna li mexxiet din ir-riċerka xjentifika, esprima l-eċitament tiegħu meta żvela li dan kien l-ewwel studju li ffoka esklussivament fuq kif l-ippopotami jimxu u jiġru. Jammetti li anki t-tim tiegħu kienu sorpriżi meta fehmu li l-ippopotami jaqtgħu kompletament l-art għal frazzjoni żgħira ta’ sekonda! Dan ifisser li 15% tal-ħin li matulu l-ippopotami jkunu qed jiċċaqalqu, saqajhom kollha ma jkunux qed imissu l-art kontemporanjament. Huwa sejjaħ din l-iskoperta bħala impressjonanti.
Matul din ir-riċerka ġew analizzati 169 ċiklu ta’ movimenti ta’ 32 ippopotamu differenti. L-ippopotami jafu jiġru b’veloċità mdaqqsa kemm meta jkunu qed jiġru wara ippopotamu ieħor, kif ukoll meta jkunu qed jaħarbu minn xi predatur bħall-iljuni jew minn annimali oħra bħar-rinoċeronti.
Sejba bħal din mhix faċli daqskemm tidher. Niftakru li l-ippopotami jgħaddu ħinijiet twal tal-ġurnata bla ma jiċċaqalqu ħafna fix-xmajjar jew fl-għadajjar, għandhom it-tendenza li jkunu iktar attivi matul il-lejl, u jekk iddejjaqhom jafu jkunu perikolużi u aggressivi tassew.
L-istess tim ta’ riċerka Britanniku jixtieq josserva l-mod kif iġibu ruħhom ippopotami iżgħar u jikkonfronta dawk adulti u itqal mal-frieħ tagħhom li huma eħfef.
Skont il-World Wildlife Fund for Nature (WWF), bħala piż, l-ippopotami jiġu fit-tieni post fost l-annimali tal-art, wara l-iljunfanti. Huwa kkalkulat li hemm bejn 115,000 u 300,000 ippopotamu jgħixu fis-salvaġġ, l-iktar fix-xmajjar jew fl-għadajjar fiż-żona Afrikana tas-sub-Saħara.