L-aħjar età tat-tarbija biex issiefer permezz ta’ ajruplan hija…
L-ivvjaġġar b’tarbija jista’ jkun intimidanti, imma ġenituri b’esperjenza ta’ vvjaġġar jgħidu li l-aħjar perjodu biex issiefer wara li jkollok tarbija huwa meta din tkun għadha żgħira u ma bdietx timxi fuq rkopptejha.
Diversi ġenituri jirrakkuntaw kif meta siefru u t-trabi tagħhom kienu għadhom ta’ xi tliet xhur, raqdu l-vjaġġ kollu. Dan huwa għall-kuntrarju ta’ meta l-ġenituri jivvjaġġaw bi tfal li bdew jimxu u allura tagħmilha aktar diffiċli li jifhmu għaliex ma jistgħux jiġru u jridu joqgħodu bilqiegħda f’post magħluq, fit-tul.
Xi ommijiet irrakkuntaw kif meta siefru bi trabi ċkejknin u reddgħuhom waqt it-tlugħ tal-ajruplan, għenu lit-trabi tagħhom jorqdu matul il-vjaġġ kollu.
Apparti minn hekk, meta t-trabi jivvjaġġaw diġà minn età żgħira tkun qed tgħinhom jidraw joqgħodu f’ajruplan u għalhekk, aktar kemm jikbru inqas iħossuhom anzjużi waqt vjaġġi tat-tip.
Intant, huwa importanti li wieħed jieħu l-prekawzjonijiet kollha neċessarji biex jipproteġi s-saħħa tat-trabi. Qabel ma ssiefer b’tarbija għandek tikkonsulta ma’ tabib biex tikkonferma li tista’ tivvjaġġa mingħajr problemi. Dan partikolarment jekk it-tarbija twieldet primatura jew għandha xi kundizzjonijiet tas-saħħa oħrajn.
Biex tassikura li l-vjaġġ tiegħek ikun mingħajr problemi, aħseb kmieni aktar mis-soltu, ippakkja dak kollu li taħseb li tista’ tiġi bżonn waqt il-vjaġġ, redda’ lit-tarbija waqt it-tlugħ u l-inżul tal-ajruplan u uża baby carrier.