“L-aktar ħaġa li għandha bżonn persuna li qed tagħmel id-dietà huwa s-support” – Ritienne Zahra
Kont taf li l-aktar ħaġa li għandha bżonn persuna li qed tagħmel id-dietà, huwa s-support ta’ persuni oħra madwarha? Dan qalitu Ritienne Zahra, life coach Maltija li l-għan tagħha huwa li tgħin lil dawk li jixtiequ jonqsu jsibu dietà ideali li tidħol faċilment fl-istil ta’ ħajja tagħhom, filwaqt li ma ċċaħħadhomx minn dak li jħobbu.
Ritienne hija l-widna tal-klijent, tisma’ lin-nies u ma taqta’ qalbha minn ħadd. F’intervista ma’ Strada Rjali qalet li hi kontra d-dietà stretta u tgħid li din twassal għal tbatija mingħajr bżonn. “Trid tiekol biex tagħmel id-dietà, ftit minn kollox: karbojdrati, proteini…trid tiekol biex tonqos,” insistiet hi.
Hi kompliet billi qalet li ma tagħmilx sens li wieħed jiffoka biss fuq li jgħodd il-kaloriji. Qalet li rridu noqgħodu attenti għal kemm nieklu karbojdrati, proteini, xaħmijiet u zokkor, iżda mhux biss il-kaloriji.
Spjegat kif id-dieta fil-ħajja tal-lum diġa hija iebsa, għax trid tintegraha ma’ ħajja mgħaġġla u li tagħmililek faċli li taqa’ xi kultant. Insistiet li meta dak li jkun jaqa’, m’għandux jaqta’ qalbu. “Jien ngħidlek kompli ħares ‘il quddiem, taqtax qalbek, għal kollox hawn tarf,” irrimarkat hi.