L-ikel fil-pakketti naqas fil-kwantità?
Qatt għaddielek minn moħħok li sa ftit ilu t-tip ta’ ikel fil-pakketti li konna nieklu kien jiġi f’ammonti ikbar jew kien ikun ippreparat b’aktar attenzjoni?
Għaliex qed ngħid hekk? Illum nixtru ċerti pakketti tal-isnacks, minn dawk li nħobbu nnaqqru meta nħossu l-bżonn ta’ xi ħaġa mielħa u tqarmeċ, u nsibu li għalkemm il-prezz għola, l-ammont li hemm fil-pakkett hu inqas. Tixtri pakkett minn dawn u malli taqbdu f’idejk tħoss li parti kbira minnu minfuħa bl-arja. Nistaqsi jekk din hijiex realtà jew biss perċezzjoni tiegħi?
Hemm min jgħid li l-qies tal-ħobża tal-Malti ċkien minn kif niftakruha bosta snin ilu. Kien jiġi kuljum quddiem id-dar il-vann bil-ħobż frisk u jfuħ u ħallina lilna l-Maltin nordnaw xi tnejn kbar u waħda tal-kexxun, biex imbagħad nikluh waħdu, jew bil-butir, jew mal-perżut u b’dilka kunserva jew tadam. Għad hawn min jixtriha l-ħobża tal-Malti llum? U għadu jiġi tal-van bil-ħobż frisk wara l-bieb? Fejn dan?
Innutajt ukoll li l-forma ta’ ċertu ħelu tipikament Malti, minn dawk li nfittu fit-te jew fil-kafè, m’għadhiex regolari. Fl-istess pakkett issib krustini jew ottijiet ta’ forom u qisien differenti! Ma nafx jekk hix il-memorja li qed tidħaq bija, imma niftakar li kien hemm żmien meta dawn kienu iktar uniformi u ikbar fil-qies. Hu veru li llum biex iħossok kuntent trid tfittet tliet biskuttelli minflok tnejn?!
Min-naħa l-oħra hu fatt li fil-preżent hemm għażla usa’ f’rabta ma’ dan it-tip ta’ ikel. Issibu fil-ħwienet li minnhom hawn bil-gzuz kantuniera ’l bogħod. M’għadekx issib il-ħobża Maltija biss, imma hemm il-bziezen, il-baguettes, il-ftajjar, iċ-ċabatta, il-panini, dik f’għamla ta’ maqrut, u ħafna iktar. Bħala snacks illum issib għażla ikbar ukoll, minn dawk melħin, sa dawk bla melħ, bla glutina, jew inkella b’togħmiet varji bħal dik tal-ġobon, tal-bejken, taċ-ċili, u iktar.
Bħala ħelu sirna nfittxu anki l-healthy bars, is-cereal bars, imma ċert li għad hemm min l-ottijiet, il-biskuttelli, il-fingers ala Maltija u oħrajn ma jibdilhom ma’ xejn.
Inti x’taħseb dwar dan kollu? X’inhi l-isnack li tħobb?