L-intuwizzjoni tal-omm ta’ min toqgħod fuqha?
L-intuwizzjoni tal-omm hija ta’ min toqgħod fuqha? It-tweġiba għal din il-mistoqsija hija xi ftit ikkumplikata. Skond storja li ħakmet lill-app tal-midja soċjali TikTok, ħolma kerha ta’ omm wasslet sabiex issalva ħajjet bintha qabel ma seħħet sparatorja fatali propju fil-bar fejn ftit tal-ħin qabel kienet qed tixrob.
Din l-istorja wasslet għal eluf ta’ persuni biex jikkummentaw u jaqsmu esperjenzi simili. Uħud qalu li pprevedew li se jitilfu t-tarbija filwaqt li oħrajn irnexxielhom jevitaw avvenimenti traġiċi. Madanakollu, ix-xjenza wara din l-intuwizzjoni għadha mhix mifhuma biżżejjed.
Psikoloġisti jgħidu li m’hemmx biżżejjed riċerka li tikkonferma ċ-ċertezza tal-intuwizzjoni tal-omm minħabba n-natura suġġettiva tagħha. Spjegazzjoni waħda tista’ tkun dik li jgħidulha l-attachment theory żviluppata minn John Bowlby u Mary Ainsworth. Din it-teorija tgħid li l-konnessjoni bejn it-tfal u l-persuna li tieħu ħsiebhom taffettwa r-relazzjoni tagħhom matul ħajjithom. Il-konnessjoni li tinħoloq bejn l-omm u t-tfal tista’ tagħmilha aktar intuwittiva tal-bżonnijiet tat-tfal.
Teorija oħra tgħid li l-intuwizzjoni tal-omm għandha bażi ġenetika. Il-ġenituri biloġiċi jgħaddu minn kambjamenti ormonali waqt it-tqala u jaqsmu d-DNA mat-tfal, li possibilment twassal biex issaħħaħ il-konnessjoni intuwittiva. Madanakollu l-intuwizzjoni m’hix biss bijoloġika. Jingħad ukoll li ġenituri addottivi u caregivers jistgħu jiżviluppaw konnessjonijiet intuwittivi b’saħħithom mat-tfal. Il-konnessjoni hija bbażata fuq li tkun kapaċi tifhem il-bżonnijiet tat-tfal, irrilevanti jekk humiex bijoloġikament tiegħek jew le.
Filwaqt li jaf qatt ma jkun hemm provi definittivi dwar l-intuwizzjoni tal-omm, meta l-omm tara li jkollha konnessjoni b’saħħitha mat-tfal tagħha, huwa ovvju li r-relazzjoni wkoll tkun aktar b’saħħitha. Kemm jekk kawża ta’ ħolm, jew anke ta’ sensazzjonijiet, dawn il-ħsibijiet intuwittivi jistgħu jwasslu għal deċiżjonijiet importanti u li jirnexxielhom jaqtgħu affarijiet li mhux loġikament faċli tasal għalihom, bħal qishom ibassru x’se jiġri.