L-istorja misterjuża tat-tliet irġiel li ħarbu minn Alcatraz bl-użu ta’ mgħarfa…
Fit-12 ta’ Ġunju tal-1962, Frank Morris u l-aħwa Anglin irnexxielhom jaħarbu mill-ħabs ta’ Alcatraz…ħarba li għadha misterjuża u affaxxinanti sal-lum. Dan il-ħabs żamm fih uħud mill-aktar persuni kriminalment magħrufa fid-dinja, inkluż Al Capone u “Machine Gun” Kelly.
Minkejja li huwa magħruf bħala l-post minn fejn ma tirritorna qatt, tliet irġiel irnexxielhom jaħarbu bl-użu ta’ mgħarfa…Iva sewwa smajtu. Frank Morris, beda jippjana l-ħarba tiegħu mill-ħabs immedjatament malli wasal fih fl-1960. Huwa ssieħeb mal-aħwa Anglin u Allen West li kienu qiegħdin fiċ-ċellel viċin tiegħu. Huma għamlu xhur sħaħ jippjanaw il-ħarba tagħhom u jħaffru l-ventilatur fiċ-ċella taħt is-sink permezz ta’ mgħarfa u drill li ħolqu huma. Min-naħa tiegħu, Morris għatta l-ħsejjes li kienu qed jagħmlu bit-tħaffir bid-daqq tal-akkordjin.
Il-priġuniera ħolqu workshop sigriet fil-livell ta’ fuq tal-blokka taċ-ċelel u ħolqu raff u ġkieket ta’ salvataġġ minn raincoats li serqu u li għalqu bl-użu ta’ pajp ta’ fwar sħun. Ħolqu rjus bil-papier-mâché biex il-gwardjani ma jindunawx li ħarbu miċ-ċella tagħhom fejn saħansitra użaw xagħar veru u żebgħu fuqhom l-uċuh.
Propju fil-11 ta’ Ġunju tal-1962, Morris u Anglins ħarbu mit-toqob taċ-ċella u ħallew lil West warajhom. Irnexxielhom jitilgħu fuq is-saqaf tal-ħabs, jiżżerżqu ma’ pajp tad-drenaġġ u jaqsmu l-bitħa tal-ħabs, jaqbżu żewġt iċnut bil-fildiferru mxewwek u jilħqu l-baħar. Hemm huma nefħu r-raff u għebu fil-lejl…tant li ħadd ma nduna qabel l-għada filgħodu.
Minkejja tfittxijiet estensivi li saru, dawn it-tliet irġiel qatt ma nstabu. L-awtoritajiet dak iż-żmien kienu ħasbu li mietu fil-vjaġġ tagħhom fuq il-baħar. Madanakollu kien hemm ħafna spekulazzjoni dwar x’sar minnhom. Fl-2018, ittra allegatament miktuba minn John Anglin allegat li huma kien irnexxielhom jaħarbu b’suċċess. Qal li Morris miet fl-2005 u Clarnece Anglin miet fl-2008. Madanakollu, l-awtentiċita tal-ittra baqgħet qatt ma ġiet ivverifikata.
Alcatraz kien ingħalaq fl-1963, parzjalment minħabba li l-istruttura kienet iddeterjorat ħafna, iżda wkoll minħabba l-kundizzjonijiet ħarxa li kienu jinżammu fihom il-priġunieri. L-FBI kienet iddikjarat lit-tliet irġiel legalment mejta fl-1979, madanakollu l-US Marshals Service baqgħet iżżomm il-każ miftuħ tant li fl-2022 ippubblikat ritratti aġġornati bil-għan li ssolvi dan il-misteru.