L-istorja ta’ bint li minkejja li xjaħet baqgħet tħobb lil missierha
Nafu li d-demm qatt ma jsir semm. Dan jgħodd għar-rabta li teżisti bejn l-ulied u l-ġenituri li tibqa’ għal dejjem. Hekk għandu jkun. Jew le?
Il-każ tal-anzjana Ileana Curmi – li ħalliet din id-dinja daqs sitt xhur ilu fl-età ta’ 90 sena – huwa uniku. Jiena kont iltqajt magħha għall-ewwel darba bosta snin ilu f’dar tal-anzjani ewlenija fir-Rabat wara li kont ktibt artiklu dwar missierha, l-edukatur, kittieb u poeta Giovanni Curmi. Iva, dan hu dak li għaliha ingħatat ismu skola ewlenija fin-Naxxar u li llum hija s-sit fejn eluf ta’ żgħażagħ jieħdu l-edukazzjoni tagħhom.
Mill-ewwel kont fhimt li minkejja li misjura fl-età Ileana kienet bniedma mimlija enerġija u ta’ intellett għoli ferm. Ta’ żagħżugħa kienet iggradwat fl-Istorja mill-Università ta’ Malta u aktar tard ħadmet anki bħala gwida turistika. Id-dar tal-anzjani fejn kienet toqgħod xi darba fl-imgħoddi kienet proprjetà tal-istess familja tagħha. Kienet bniedma li baqgħet taqra l-ġurnali bl-Ingliż u anki tikteb fihom xi ittri meta kienet tħoss il-bżonn.
Imma ma kinitx tiġi laqgħa li matulha Ileana ma kinitx titkellem dwar missierha li minkejja li kien miet fl-1968, baqa’ f’qalbha sa tmiem ħajjitha. Minn fejn twieldet din l-imħabba eterna ta’ bint lejn missierha? Ileana kienet tifla unika u mingħand missierha wirtet l-imħabba għall-qari u l-kitba. Missierha kien pinġa t-tfulija ta’ bintu f’ġabra ta’ poeżiji bit-Taljan li kien ippubblika fis-snin ’40 tas-seklu l-ieħor, Il canzoniere della bambina.
Ileana u l-familja tagħha minn Tas-Sliema kienu marru joqogħdu r-Rabat wara li faqqgħet it-Tieni Gwerra Dinjija. Id-dar ta’ zitha hemm kellha xelter kbir li fih setgħu jistkennu.
L-istorja ta’ Ileana Curmi hija unika mhux biss minħabba din l-imħabba dejjiema bejn bint u missier. Tfakkarna wkoll f’dawk l-eluf ta’ anzjani li llum jinsabu magħluqin fl-isptarijiet jew istituzzjonijiet speċjalizzati. Bosta minnhom għad għandhom l-imħabba tal-membri tal-familja tagħhom. Imma hemm ħafna oħrajn minsija u jgħixu fis-solitudni.
Ta’ min niftakru fihom. Jistħoqqilhom ir-rispett tagħna sal-aħħar.