L-ixkupilja tas-snien: żommha nadifa!
Sa minn mindu nkunu tfal itambrulna f’moħħna kemm hu importanti li naħslu regolarment snienna, anki darbtejn kuljum. Dan jipproteġi lil snienna kontra ċerti batterji li jiffurmaw fil-ħalq filwaqt li permezz tal-ixkupilja tas-snien neħilsu lil snienna minn biċċiet tal-ikel li jkunu baqgħu mwaħħlin.
Ma ninsewx però li anki l-ixkupilja tas-snien għandha bżonn l-attenzjoni u l-kura. Jekk din ma tkunx nadifa tista’ ssir ħsara lill-ħanek jew nispiċċaw b’ħalqna jinten. Kif tinżamm nadifa l-ixkupilja tas-snien?
Importanti li din l-ixkupilja nibdluha kull 3 jew 4 xhur. M’għandniex inħallu l-lanżit tagħha jitilfu l-forma tagħhom u jitgħawġu lejn in-naħa ta’ barra għax inkella titlef mill-effett tagħha. Dan però jiddependi mill-mod kif kull wieħed u waħda minna nużaw din l-ixkupilja: hemm min jagħfas ħafna meta jaħsel snienu, oħrajn jużawha iktar minn darba kuljum, u għalhekk ikun hemm il-ħtieġa li tinbidel iktar spiss. Jiddependi wkoll mit-tip ta’ lanżit li nużaw: hemm dawk rotob u dawk iktar ibsin.
Apparti dan tajjeb li nżommu f’moħħna dawn il-punti:
- Wara li tuża l-ixkupilja tas-snien għandek tnaddafha tajjeb bl-ilma jaħraq u tneħħilha kull pejst tas-snien jew biċċiet ta’ ikel li setgħu jinqabdu fiha;
- Tħallix l-ixkupilja tas-snien bit-tapp jew fl-għatu tagħha. Dawn għandhom jintużaw biss meta nivvjaġġjaw sabiex nipproteġuha mill-ħmieġ u l-ixkupilja għandha tinħeles minn kull tip ta’ għatu malli naslu fejn għandna naslu. Jekk tibqa’ mgħottija fil-kamra tal-banju, l-ixkupilja tas-snien ma tinxifx sewwa;
- Tħallix l-ixkupilja tas-snien magħluqa fil-medicine chest jew locker għax inkellha ma tinxifx u jistgħu jiżviluppaw malajr batterji u anki fungi ħżiena;
- Tajjeb li wara li nfiequ minn xi marda nibdlu l-ixkupilja tas-snien ladarba fuq il-lanżit jistgħu jibqgħu xi batterji li ma jħalluniex infiequ malajr;
- Hu importanti li fil-familja kulħadd juża l-ixkupilja tas-snien tiegħu u ma npartuhiex ma’ persuni oħrajn. Inkella nkunu qed nittrażmettu batterji li jistgħu jagħmlulna l-ħsara. Mela nżommu wkoll l-ixkupilji personali f’kontenituri differenti u mifrudin minn xulxin bla ma jmissu ma’ xulxin.
Insomma, skupilja tas-snien nadifa għandha tipprometti ħalq nadif u tbissima sabiħa.