L-organizzazzjoni tal-EURO jaf tkun piż

 L-organizzazzjoni tal-EURO jaf tkun piż

Meta pajjiż bħall-Ġermanja jorganizza l-EURO, irid joħroġ ta’ nies. Ma jistax jaqta’ l-affarijiet kif ġie, ġie, u dan ifisser li jista’ jkun hemm impatt negattiv.

L-EURO jitlob finanzjament kbir minn qabel li jaf inaqqar il-finanzi tal-pajjiż. Il-flus imorru f’investimenti biex jitjiebu l-grawnds, it-trasport pubbliku u s-sigurtà, imma l-baġit tal-pajjiż jaf jieħu daqqa ta’ ħarta. Fil-fatt, mill-esperjenza ta’ kampjonati preċedenti, l-ispiża dejjem taqbeż l-istimi.

Il-bini u r-renovazzjonijiet joħolqu inkonvenjenti għar-residenti bħal traffiku, tniġġis tal-ħoss u tal-arja u aċċess ristrett f’xi żoni. Xi ħwienet, l-iktar dawk li mhumiex marbutin mat-turiżmu, jaf ikollhom kummerċ imxekkel minħabba l-attivitajiet u ż-żieda fis-sigurtà.

Attività kbira tal-massa bħall-EURO jaf tħalli dannu ambjentali. Iż-żibel żejjed iġġenerat, konsum tal-enerġija akbar u l-emmissjonijiet tal-karbonju kollha huma ta’ tħassib.

L-organizzazzjoni ta’ dan il-kampjonat titlob li ċerti riżorsi jiġu allokati għal dan l-għan. Għalhekk, il-pubbliku lokali jaf jiddarras u jkun hemm kritika ħarxa, l-iktar mingħand min ikun affettwat ħażin jew tilef minħabba dan il-fatt.

Xi faċilitajiet jaf jispiċċaw abbandunati wara li jispiċċa kollox. Il-postijiet iridu jibqgħu miftuħin għall-poplu biex ix-xogħol li sar qabel jispiċċax fix-xejn. Min-naħa l-oħra, l-infrastruttura li nbiet jew ġiet irranġata jaf titlob finanzjament akbar biex jibqgħu disponibbli. Dawn huma sfidi li l-awtoritajiet iridu jikkunsidraw għal wara t-tmiem tal-kampjonat.

Il-benefiċċji ekonomiċi ma jinfirxux b’mod indaqs f’kull post tal-pajjiż jew fis-setturi soċjali kollha. Bliet bi grawnd fihom jafu jiksbu iżjed investimenti minn bliet iżgħar li fihom m’hemmx attivitajiet, ngħidu aħna. It-tmexxija tal-pajjiż trid tiżgura tqassim iktar ugwali, fejn possibbli.

Filwaqt li l-EURO hija okkażjoni unika li tħalli bosta benefiċċji, jeħtieġ li jkun hemm pjanar dettaljat biex jittaffew l-effetti negattivi ħalli l-benefiċċji fit-tul u mifruxin jiġġustifikaw l-ispejjeż u x-xogħol li jsiru.

 

 

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com