L-umoriżmu: temmen li hu fattur pożittiv f’ħajtek?
M’jien se ngħid xejn ġdid: il-ħajja tellieqa, l-ispazju li ngħixu fih sar iffullat wisq, kemm bin-nies kif ukoll bil-bini u bil-vetturi, u ħafna minna sirna naħsbu biss f’termini ta’ flus. Il-ħin huwa flus u jekk naħlu l-ħin inkunu qed narmu l-flus. Uffa xi stress!!
Minħabba dan kollu spiss nispiċċaw inqumu bil-bajda mdawra sa minn filgħodu, miskin min jaħbat magħna, u arana bil-geddum il-jum kollu. Nispiċċaw nagħmlu x-xogħol b’nofs ħajra u naħtfu lil ta’ madwarna, jekk mhux ukoll nispiċċaw inweġġgħuhom verbalment.
Imberkin dawk li f’waqtiet bħal dawn jafu jieħdu l-ħajja biċ-ċajt. Dan ma jfissirx li nkunu persuni irresponsabbli, imma li nkunu nafu meta nitfgħu l-ilma kiesaħ fuq sitwazzjoni li diġà tkun taħraq tassew.
U hawn fejn jidħol l-umoriżmu. Hemm min b’ċajta jew b’żewġ kelmiet f’ħinhom jaf jaqleb sitwazzjoni kerha ta’ taħt fuq u jnissel tbissima jew daħqa fuq fomm dawk preżenti. L-umoriżmu jaf jurina kemm nieħdu l-ħajja wisq bis-serjetà u kemm inkunu qed nagħmlu ħażin lilna nfusna u lil ta’ madwarna meta nitlewmu jew nitgħajru.
Hemm min jgħid li l-umoriżmu jgħinek tħossok eħfef matul il-jum. Meta nidħqu nkunu qed nipproduċi endorfini li huma ormoni li jgħinuk tħossok tajjeb. Inkunu qed nieħdu iktar arja rikka fl-ossiġnu u dan inaqqas l-ormoni tal-istress, bil-konsegwenza li jitbaxxew ir-rata tat-taħbit tal-qalb u l-pressjoni tad-demm. Dan jgħin ukoll biex il-muskoli jirrilassaw.
Ħafna drabi f’ħajjitna niftakru iktar dawk il-mumenti meta konna parti minn esperjenzi tad-daħq. Meta jkollok viċin persuna li temmen fl-umoriżmu u taf kif toħroġ minn sitwazzjoni diffiċli b’ċajta taf toħloq atmosfera iktar pożittiva u rilassata. Tkun dik il-persuna li tnaqqas mit-tensjoni tal-mument u tirrestawra sens ta’ komunikazzjoni bejn il-partijiet f’kunflitt. Hemm min isostni li l-umoriżmu jaf itawwallek ħajtek ukoll.
Niftakar lil ommi tidħaq żaqqha mal-art meta ta’ tifel li kont kont waqajt u rrumblajt b’pastizz f’idi t-taraġ kollu ta’ quddiem il-knisja ta’ San Gejtanu l-Ħamrun. Fl-ebda waqt ma tlaqt il-pastizz minn idi.
Inti għandek xi esperjenza tad-daħq x’tirrakkonta?