Lest tixtri post fi Sqallija?
Sqallija hija inqas minn 150 km ’il bogħod u tista’ tintlaħaq bil-katamaran f’inqas minn sagħtejn. Hija 80 darba l-kobor ta’ Malta. Bosta Maltin telgħu ħafna drabi Sqallija kemm bħala vaganza, kif ukoll għax-shopping miċ-ċentri kummerċjali enormi li hemm fiha.
Illum però qed nisimgħu anki b’aġenziji apposta li qed jieħdu ħsieb il-bejgħ ta’ artijiet fuq il-gżira ta’ Sqallija. Artijiet li meta mqabbla mal-prezzijiet tal-art f’Malta jidhru vantaġġjużi tassew u li jħajru lil dak li jkun jinvesti fihom. Imma kemm hu verament għaqli li wieħed jinvesti flusu f’biċċa art jew proprjetà fi Sqallija?
Mal-ewwel daqqa t’għajn kollox jidher ward u żahar, anki għax kemm fuq in-naħa tal-punent ta’ Sqallija kif ukoll fuq in-naħa tal-lvant hemm bosta attrazzjonijiet naturali, kulturali u storiċi. Anki t-temp huwa simili ħafna għal dak ta’ pajjiżna. Imma hemm bosta ħwejjeġ li trid tqis qabel ma’ tieħu d-deċiżjoni finali.
Hemm ċerti villaġġi li letteralment spiċċaw kważi vojta jew inkella b’popolazzjoni anzjana ħafna. Allura l-prezzijiet tal-proprjetà huma baxxi ħafna biex iħajru lil xerrejja żgħażagħ jixtru u jerġgħu jagħtu l-ħajja lill-post. Idea tajba hija dik li tqabbad nutar tajjeb biex jara li l-affarijiet huma kollha f’posthom legalment qabel ma tiffirma kuntratti. Hu importanti f’dal-każ li wieħed jiċċekkja anki l-kost tax-xogħol u tal-materjal neċessarju biex issir il-manutenzjoni jew it-tibdiliet strutturali li jkun hemm bżonn biex il-proprjetà tkun sigura u abitabbli mill-ġdid. Hemm ukoll it-taxxa fuq il-proprjetà li wieħed irid iħallas.
Hemm proprjetajiet li jinbiegħu b’artijiet agrikoli vasti mad-dawra u anki f’dal-każ bi prezzijiet li jidhru vantaġġjużi. F’dan il-każ però wieħed irid jara kemm il-proprjetà hija fil-fatt ’il bogħod minn faċilitajiet bħalma huma sptar, supermarket, farmaċija, u l-bqija. Meta tixtri proprjetajiet bħal dawn trid tmantnihom, prattikament tgħix fihom, inkella jekk jibqgħu magħluqin għal parti kbira matul is-sena żgur ma ġġibx lura dak li tkun investejt fihom.
Mela qabel ma tieħu l-pass deċiżiv, staqsi lilek innifsek għaliex tixtieq tixtri proprjetà fi Sqallija: biex tirtira jew bħala opportunita ta’ business?