Liema films jirnexxilek tara bla ma tiddejjaq mal-maħbub/a tiegħek?

 Liema films jirnexxilek tara bla ma tiddejjaq mal-maħbub/a tiegħek?

Meta nkunu koppja huwa importanti li naraw kif se nqattgħu ħin pożittiv flimkien. Hemm min jippreferi jmur jiekol jew jieħu drink f’xi restorant jew bar; hemm min iħobb jgħaddi l-ħin jiżfen jew jisma’ l-mużika mal-maħbub jew maħbuba tiegħu; hemm min forsi jippreferi post għall-kwiet ħdejn il-baħar jew xi mixja fil-kampanja; oħrajn jippreferu jmorru jaraw xi film fis-swali taċ-ċinema jew jibqgħu d-dar isegwi xi serje televiżiva interessanti.

Imbagħad hemm min jgħid li hu jew hi u l-maħbub/a tiegħu jew tagħha huma fula maqsuma, id-di u d-do għax jaqblu f’kollox. Oħrajn jammettu li huma opposti totali imma, b’xi mod jew ieħor, xorta jirnexxilhom jieħdu gost fil-preżenza ta’ xulxin.

Kemm minna jirnexxilna naqblu mal-maħbub/a tagħna meta niġu biex naraw film jew serje televiżiva? Ġeneri ta’ films minn fejn tagħżel hemm kemm trid: avventura, azzjoni, bijografija, tal-biża’, fantasija, fantaxjenza, romantiċiżmu, storja, u l-bqija. Issib lil min iħobb il-produzzjonijiet lokali, bl-ilsien Malti, bħad-drama, li llum ħadet spinta sewwa ’l quddiem. Oħrajn jippreferu produzzjonijiet barranin bl-ilsien Ingliż jew Taljan. Il-biċċa hi li mhux kulħadd huwa xxurtjat biżżejjed biex isib lil dik il-persuna li taqbel miegħu mija fil-mija anki fejn jidħlu gosti ċinematografiċi.

Hemm min jiddarras kif jisma’ kelma ħażina waqt film, oħrajn jgħattu wiċċhom jew widnejhom malli jħossu li se tasal xi xejn skabruża jew li twerwrek. F’dal-każ taf tisma’ l-esklamazzjoni, “Hawn x’qed tara?!” jew “Dan x’imbarazz qed tara?!” Fl-istess ħin u post issib min ma jimpressjona ruħu b’xejn, anzi jintefa’ jidħaq minflok jibża’, u jaf iwieġbek, “Kemm int fonqla! Tgħaġġibhiex!” Hemm koppji fejn naħa tħobb film romantiku – film “tal-għafis” – u n-naħa l-oħra tħobb film ta’ azzjoni.

L-idea hi li meta nkunu f’koppja magħmula minn karattri u gosti differenti, insibu t-triq tan-nofs, daqqa nċedu aħna u daqqa ċċedi l-parti l-oħra. Ħalliha mbagħad hemm min jibqa’ mqajjem sal-aħħar tal-film, u l-persuna l-oħra torqod wara ftit fuq spallejh/a!

Fejn jidħlu gosti ta’ films x’inhi s-sitwazzjoni bejnietkom?

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com