Liema kliem tiddejjaq tisma’ u tipprojbixxi lil uliedek jgħidu fil-preżenza tiegħek?
Hemm differenza bejn meta nesklamaw kelma baxxa awtomatikament u bla ebda ħsieb għax tkun riżultat ta’ emozzjoni ta’ ċerta qawwa fuq naħa, u fuq l-oħra, meta ngħidu kelma ħażina b’intenzjoni u anki biex noffendu lil xi ħadd.
Kelma li ngħidu spiss meta pereżempju nirwu saqajna jew naqgħu bla ħsieb, inkissru xi tazza aċċidentalment, naqtgħu subgħajna jew ninsew iċ-ċavetta wara li nkunu għalaqna l-bieb warajna hija “Ħaqq… !”, akkumpanjata minn xi kelma vulgari jew sagra oħra. U dan bla ma nsemmu kliem ieħor li hu iktar vulgari għalkemm huwa fuq ilsien parti mdaqqsa minna l-Maltin meta l-affarijiet ma jmorrux kif ippjanajna.
Dan jiddependi mit-trobbija li nkunu ħadna, jew min-nies li nkunu għamilnieha magħhom, jew minn ħbiebna l-iskola.
Illum hemm drabi meta t-tfal tagħna jistagħġbuna għax anki huma kultant żmien – jew iktar frekwenti – taqbżilhom u taħrabilhom xi kelma baxxa li bħala ġenituri taf iddejjaqna ferm. Nistaqsu però jekk dan il-kliem ikunux semgħuh mingħandna stess jew inkella ġabuhx minn xi mkien barra l-ambjent domestiku.
Fost il-kliem li Bunny Hedaya, omm u personalita magħrufa fuq l-internet għall-vidjows li timposta, ma taċċettax li t-tfal tagħha jgħidu, kliem li jiena ċert li llum huma familjari miegħu anki adolexxenti u żgħażagħ Maltin, issemmi:
- Il-kelma “Shit”, imma meta użata biex tiddeskrivi jew toffendi lil xi ħadd;
- Kliem bħal “noqtol”, “nobogħdok/nobogħdu”, “stupidu”, “idjota”, “mut” u “loser”.
Nafu li llum wliedna jisimgħu spiss bi kliem vulgari kemm bil-Malti u kemm bl-Ingliż. kemm id-dar u l-iskola, kif ukoll matul il-kanzunetti bl-Ingliż jew waqt serje televiżivi. Mela kif nistgħu nipperswaduhom biex jgħidu kliem bħal dan mill-inqas possibbli?
Hu veru li hemm ambjenti fejn jekk l-adolexxent ma jużax kliem vulgari jitqies bħala dgħajjef u beżżiegħ, anki minħabba l-peer pressure? F’liema waqtiet uliedna jużaw l-iktar kliem vulgari jew li jdarrsuna? L-użu ta’ kliem bħal dan minn uliedna x’jirrifletti dwar il-karattru u l-ambjent fejn qed jitrabbew?