Ma tħossokx kunfidenti fil-malja? Ara x’tista’ tagħmel hawn!
Is-sajf, partikolarment f’Malta, jġib miegħu ħafna ġranet ħdejn il-baħar, jew ħdejn xi pixxina. Madanakollu, għal ħafna persuni, din it-tip ta’ ħarġa tqajjem ansjetà għax ikollhom bżonn jilbsu l-malja. Il-malja, minħabba t-tip ta’ lbies li hi, tista’ ġġiegħel lil dak li jkun isir aktar konxju ta’ partijiet tal-ġisem li forsi mhux sikur dwarhom. Madanakollu, ftit jieqfu jaħsbu li ħadd m’hu perfett. F’dan l-artiklu, se ngħidulkom ftit affarijiet li tistgħu tagħmlu biex issaħħu l-kunfidenza tagħkom.
Iffoka fuq il-pożittiv
Minflok tkisser moħħok taħseb fuq id-difetti ta’ ġismek, iffoka fuq dak li jista’ jagħmel ġismek. Ikkrea lista ta’ attivitajiet li tixtieq tagħmel das-sajf, bħal toqgħod rilassat fuq xi lilo jew tieħu pjaċir tbill saqajk fir-ramel u fil-baħar. Apprezza lil ġismek talli kapaċi jwasslek biex tesperjenza dak li tixtieq. Irrikonoxxi ħsibijiet negattivi u kkontradixxihom billi tapprezza l-abilitajiet li għandu ġismek u ibda ħobb kull parti tiegħu.
Ilbes il-qalziet ta’ taħt tal-bikini bil-maqlub
Dawk li forsi jħossuhom konxji ħafna ta’ żaqqhom, jistgħu jilbsu l-qalziet ta’ taħt tal-bikini ta’ wara, quddiem. Dan hekk kif ġeneralment jipprovdi spazju akbar biex jgħatti l-parti li qed tħossok konxja tagħha.
Iddiversifika l-Instagram tiegħek
Ħafna drabi, il-midja soċjali għadha turina ħafna standards tal-ġisem li m’huma xejn realistiċi, u dan jista’ jwassal għal ħsara fil-kunfidenza tiegħek inniffsek. Għalhekk għandek issegwi profili ta’ persuni differenti, ta’ kull għamla u forma. Meta ssegwi persuni regolari u tarahom jieħdu pjaċir jgħixu ħajjithom, jista’ jgħinek tħossok aktar kunfidenti fik innifsek.
Ilbes dak li jġiegħlek tħossok komdu jew komda
Insa dak li tgħid il-moda u ilbes dak li tħobb tilbes u li jgħinek tħossok kunfidenti. Għażel malji li jirriflettu l-istil tiegħek, irrelevanti ta’ x’kuluri u sfumaturi tippreferi. Meta tilbes skond il-gosti tiegħek milli tipprova tilbes xi ħaġa sempliċiment biex tidher irqaq, iwasslek biex tħossok aktar komdu u kunfidenti.
Ftakar li kulħadd iħossu insikur minn xi ħaġa jew oħra
Kull persuna li hawn fid-dinja tesperjenza xi tip ta’ insikurezza jew oħra. Forsi inti tinkwieta għax għandek iċ-ċellulite, u ħaddieħor jinkwieta għax qasir, jew twil…insomma jekk m’għandhomx l-istess insikurezza, probabbilment għandhom xi ħaġa oħra. Dawn it-tip ta’ insikurezzi jwassluk biex ma tibqax tieħu pjaċir fil-ħajja ta’ kuljum u għandek tevita li tkun impressjonat mill-insikurezzi ta’ ħaddieħor.
Fl-aħħar mill-aħħar, gawdih dan is-sajf, aċċetta lil ġismek kif inhu u agħmel memorji li tibqa’ tiftakarhom.