Mara ssib pakkett li ordnat mill-internet sentejn ilu fil-ġnien tad-dar tagħha

 Mara ssib pakkett li ordnat mill-internet sentejn ilu fil-ġnien tad-dar tagħha

Sentejn wara li ħasbet li l-pakkett intilef għal dejjem, mara minn South Wales għamlet sejba interessanti hi u tagħmel xogħol ta’ manutenzjoni fil-ġnien tagħha.

Meg Johnson qalet li hi u tagħmel ix-xogħol fil-ġnien tad-dar tagħha, partikolarment f’parti elevata bħal qisha ħawt, sabet pakkett li kien fih libsa dekomposta li ordnat lura fl-2022. Min-naħa tas-servizz postali Yodel, kienu qalulha li l-libsa kienet waslet għandha, minkejja li hi ma kinitx sabitha dak iż-żmien.

Johnson spjegat kif hi qed taħseb li meta saret il-kunsinna, il-pakkett twaddab minn fuq il-ħajt tal-ġnien u sab postu fil-ħamrija ta’ dan il-ħawt, propju fuq wara nett tal-ġnien. Il-pakkett kien miftuħ, probabbilment minn xi annimali u l-libsa nnifisha kienet imxarrba u mimlija ħamrija. Qalet li l-libsa spiċċat inbidlet f’dar għal ħafna insetti u prattikament ġiet dekomposta.

Hi rrimarkat li meta kienet ippruvat titkellem mas-servizz postali sentejn ilu, ir-risposta li rċeviet kienet li l-pakkett kien twassal min-naħa tal-kumpanija u ma kien hemm xejn li jistgħu jagħmlu min-naħa tagħhom.

Malli għamlet din is-sejba, il-mara kkuntattjat lill-Kap Eżekuttiv tal-kumpanija Yodel, li min-naħa tiegħu wieġeb li m’hemm xejn li jistgħu jagħmlu għax huma jżommu rikordju biss tax-xogħol li sar fl-aħħar tliet xhur.

Madanakollu, kelliem għall-kumpanija qal li jiddispjaċih tal-esperjenza negattiva li kellha Johnson bis-servizz tagħhom. Qal li minn dak iż-żmien ‘l hawn, il-kumpanija introduċiet ukoll il-possibilità li dak li jkun jikkonferma spazju sikur fejn jistgħu jitħallew il-pakketti u meta dawn jitpoġġew hemm, il-kurrier jibgħat ritratt lill-klijent li juri li l-pakkett tħalla fejn mitlub.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com