Meta Harrison Ford ġie ffriżat
Fi Star Wars: Episode V – The Empire Strikes Back tal-1980, waħda mix-xeni ikoniċi li tispikka hija l-mument li fih Han Solo, li jinterpretah Harrison Ford, jiġi ffriżat fil-carbonite minn Darth Vader.
Fl-ewwel drafts tal-iskritt għal The Empire Strikes Back, Boba Fett u Vader ma kellhomx jaqbdu lil Han Solo meta kien qed jistkenn fi Cloud City. Fil-fatt, il-pjan kien li Solo u Chewbacca jirkbu l-Millenium Falcon u jaħarbu. Biss, fil-film naraw lil Lando Calrissian, li kien imexxi Cloud City, sfurzat biex jagħti lil Solo u sħabu f’idejn l-Imperu Galattiku.
Għala nbidel il-pjan u Han Solo spiċċa ffriżat fil-carbonite?
Harrison Ford ma kienx ċert jekk ikomplix jinterpreta l-karattru ta’ Solo. Mark Hamill u Carrie Fisher, li kellhom il-partijiet ta’ Luke Skywalker u Leia Organa, diġà kienu qablu u ffirmaw il-kuntratt, imma Ford le għax ma kienx impressjonat daqshekk bil-karattru ta’ Han Solo. Ladarba George Lucas ma xtaqx li l-karattru ta’ Solo jmut, hu u l-kittieba ddeċidew li jwaqqfu l-karattru bix-xena tal-iffriżar. B’hekk, “jeħilsu minnu” u jqajmuh jekk Ford jiddeċiedi li jidħol għat-tielet film.
X’kien jiġri kieku Ford irrifjuta l-parti f’Star Wars: Episode VI – Return of the Jedi? Ma nafux għax, b’xorti tajba, Ford kien aċċetta li jinterpreta lil Han Solo mill-ġdid fil-film ta’ wara. Probabbli, il-figura ffriżata ta’ Han Solo kienet tibqa’ għand Jabba the Hut.