Meta mmorru għal sigarett waqt ħin ix-xogħol, niggwadanjaw minn fuq sħabna
Dawk li jaħdmu ma’ ammont ta’ nies żgur illi fost il-kollegi għandhom uħud illi jpejpu. U ovvjament dawn ma jmorrux ipejpu sigarett waqt il-brejk biss, imma jmorru jieħdu sigarett kull tant ħin, jiddependi mill-post tax-xogħol u mill-karattru ta’ dak li jkun.
Min ipejjep jargumenta illi dak huwa dritt, kif ukoll illi huma jmorru jieħdu sigarett malajr, bħal ma ħaddieħor imur toilet spiss. Imma kulħadd imur ipejjep sigarett malajr u jerġa’ jkompli xogħlu? Jew ġieli jiltaqgħu xi 4 jpejpu, u bejn nifs u ieħor jgħidu kelma? Billi tissoċjalizza ma fiha xejn ħażin, imma s-soċjalizzazjoni bħal din qed twassal għal skartar minn fuq ix-xogħol, b’deterrent għall-kumpanija u għal kollegi
Riċerka li saret fl-Istati Uniti tal-Amerika uriet illi persuna illi tpejjep tieqaf tieħu sigarett diversi drabi matul ġurnata xogħol, bir-riċerka turi li dawn is-cigarette breaks idumu bejn ħames u ħmistax-il minuta kull darba. Dan iwassal biex tonqos il-produttivita fuq il-post tax-xogħol. Din l-istess riċerka turi ili persuna li tpejjep tkun assenti sa ħamsin fil-mija aktar minn fuq il-post tax-xogħol minn persuna li m’għandiex dan il-vizzju
Kumpaniji fil-Ġappun kienu sabu mod kif jikkumpensaw lil dawk il-ħaddiema illi ma jpejpux. Dawn il-kumpaniji bdew joffru sitt ijiem aktar ta’ vaganzi lil dawk li ma jpejpux. Dan sabiex jikkumpensaw lil dawk illi b’mod regolari ikollhom lill-kollegi jqumu minn posthom għal sigarett, kif ukoll sabiex iħajru lil ħaddiema oħra jaqtgħu is-sigaretti
Taħseb illi cigarette break hu dritt? U min ma jpejjipx mhux żvantaġġat?