Mhux kull mediċina hija tajba għalik
Kemm drabi niltaqgħu ma’ persuni li hekk kif jagħtsu waħda jimtlew tensjoni u jmorru jiġru għand il-farmaċista jew s’għand it-tabib biex jingħataw xi tip ta’ pilloli, spray jew duwa oħra? Naf persuni li d-dar għandhom cupboard sħiħ mimli kaxxi tal-pilloli ta’ kull forma u kulur, ingwenti u fliexken tal-mediċina differenti! Stajna konna aħna wkoll!
Hemm min ibati bl-ażma, biz-zokkor, bil-pressjoni baxxa jew għolja, bl-isturdamenti, u bil-kolesterol. U min m’għandu xejn minn dawn ħallih jinħakem minn allerġiji differenti hekk kif jibda xi staġun partikolari bħar-rebbiegħa li taf iġġib magħha qtugħ ta’ nifs, għatis bla kontroll, flissjonijiet u l-bqija, sena wara l-oħra.
Noqogħdu fuq kollox attenti mid-dipendenza żejda minn dawn il-mediċini kollha! Hemm imbagħad dawk li jgħidulhom disturbi jatroġeniċi. Xi jkunu dawn?
Id-disturbi jatroġeniċi huma disturbi li jitwieldu minn xi mediċina li jkun ippreskrivielek xi tabib, jew wara xi intervent mediko-kirurġiku, jew xi preskrizzjoni ta’ mediċina mhux awtorizzata. Jistgħu jkunu riżultat ta’ tabib li jkunx ta kas tas-sinjali ta’ deterjorament fil-pazjent. Dan kollu jaf iwassal għal stat ta’ saħħa ħażina jew effetti negattivi oħrajn ikkawżati minn xi żball li jkun sar fil-fażi meta ġiet individwata l-marda jew matul il-fażi tat-trattament. Eżempju wieħed huwa meta pazjent jiġi mgħarraf li għandu kanċer wara li jiġi espost iżżejjed għar-radjazzjoni tal-x-ray imaging.
Xi sinjali tad-disturbi jatroġeniċi jistgħu jkunu dawn:
- infezzjonijiet li wieħed jibla’ mill-isptar;
- uġigħ;
- malnutrizzjoni;
- waqgħat;
- deni;
- problemi ta’ ppurgar.
Ta’ min ifakkar li dawn id-disturbi jatroġeniċi jafu jolqtu l-iktar lill-anzjani li jkunu jiddependu minn għadd differenti ta’ pilloli u mediċini.
Kif nistgħu nevitaw disturbi u komplikazzjonijiet bħal dawn?
- isir maniġġjar regolari u tajjeb tal-kura tal-pazjent;
- ikun hemm tim interdixxiplinari tat-tip ġerjatriku (mela li jieħu ħsieb is-saħħa tal-pazjenti anzjani);
- issir konsultazzjoni mal-farmaċista li tafda;
- ikun hemm kura ta’ emerġenza għall-anzjani;
- min-naħa tagħhom il-pazjenti jrid jkunu proattivi fil-kura tagħhom, billi jistaqsu mistoqsijiet u jirrapportaw kull reazzjoni jew sintomi negattivi lit-tabib tagħhom.
Ħajja waħda għandna. Nibżgħu għaliha. Inti x’taħseb?