Mhux ta’ b’xejn jospitaw l-EURO!

 Mhux ta’ b’xejn jospitaw l-EURO!

Huwa fatt magħruf li biex torganizza kampjonat bħalma hu l-EURO, il-pajjiż ospitanti jrid joħroġ ħafna flus f’oqsma differenti. Biss, dan nistgħu nqisuh investiment għax il-pajjiż jieħu ħafna lura.

Waqt il-kampjonat ikun hemm influss ta’ turisti li jżuru l-pajjiż biex jaraw il-logħob u jesperjenzaw l-atmosfera. Il-lukandi, ir-ristoranti u l-attrazzjonijeit lokali jieħdu palata. L-ibliet Ġermaniżi li fihom hemm il-grawnds ukoll ingħataw promminenza.

Intefqu l-flus biex il-grawnds ikunu aħjar, jidhru isbaħ u jilħqu l-istandards. Apparti l-fatt li jkunu ta’ livell, denji biex jospitaw kampjonat bħal dan, il-klabbs se jibbenefikaw minn legat prestiġjuż u faċilitajiet ta’ kwalità ogħla.

Investimenti u titjib li saru fit-trasport pubbliku minħabba l-EURO jfisser li r-residenti Ġermaniżi fl-ibliet se jkunu jistgħu jibbenefikaw fit-tul għax se jkollhom rotot aħjar u mezzi ġodda biex jimxu minn post għal ieħor.

Minħabba l-organizzazzjoni tal-EURO inħolqu impjiegi temporanji u oħrajn permanenti. Setturi ta’ management, sigurtà, ospitalità u trasport riedu iktar riżorsi umani biex jilħqu mad-domanda u wħud mill-pożizzjonijiet se jibqgħu disponibbli anki wara tmiem il-kampjonat.

L-EURO 2024 xpruna l-iżvilupp urban biex jinħolqu proġetti ġodda bħal żoni tal-partitarji, parks u spazji pubbliċi. Fl-aħħar mill-aħħar, wara se jkunu r-residenti li jaħsdu l-frott ta’ dawn il-proġetti.

Fl-aħħar, il-Ġermanja nnifisha se tkun kabbret ir-reputazzjoni tagħha bħala pajjiż organizzat, sabiħ u ta’ min jorbot fuqu. Dan jipprometti għal kif l-Ewropa u d-dinja jħarsu lejn il-pajjiż, l-iżjed f’każ li jkun hemm ċans għal avveinmenti kbar oħrajn fil-ġejjieni.

 

 

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com