Mingħajr l-omm, il-familja titkisser
Din tismagħha ħafna drabi: Meta tmut l-omm, il-familja titkisser. Mhux kull familja, imma f’ħafna familji, il-bidla fir-relazzjoni bejn il-membri kollha tal-familja tinbidel
L-ewwel ħaġa li ħafna jinnutaw hija li l-aħwa ma jibqgħux jiltaqgħu ta’ spiss daqs qabel. Hemm ħafna raġunijiet għal dan, fosthom illi meta l-omm kienet ħajja, uliedha kienu imorru jarawha u allura jiltaqgħu bejniethom. Meta jiltaqgħu kienu jikkomunikaw u jifthemu għal laqgħat, anki soċjali bejniethom. Issa mingħajr l-omm, il-komunikazzjoni bejn l-aħwa tonqos
Meta l-omm tkun ħajja, l-ulied jifthemu bejniethom għal xi għan komuni, jista’ jkun ukoll sabiex jgħinu lil ommhom stess. Imma dak il-ftehim jaf iġibhom aktar qrib xulxin. Mingħajr l-omm, ħafna ma jsibux il-motivazzjoni sabiex jiltaqgħu, u ma jagħtux aktar prijorità il-ħin li hemm bżonn jiltaqgħu ma’ ħuthom
Mhux l-ewwel darba li l-aħwa ikollhom xi argument u jispiċċaw ma jitkellmux. Mingħajr l-omm preżenti, il-problemi ta’ bejniethom jispiċċaw ikomplu jikbru. Imma x’tagħmel l-omm meta tara l-problemi bejniethom? Tipprova fejn hemm il-firda tgħaddi dik il-kelma ta’ ġid sabiex issewwi dak li hemm imxaqqaq. Dejjem jirnexxi? Le, imma ta’ lanqas ikun hemm xi tip ta’ komunikazzjoni
Tiftakru meta kontu żgħar kemm kontu tiltaqgħu kuġini flimkien? Tilagħbu, tiġġieldu, u tinġiebu daqs l-aqwa aħwa. U fejn normalment kienu jsiru il-laqgħat mal-kuġini? Ovvja, għand in-nanna, li kienet tgħaqqad mhux biss lil uliedha imma anki lin-neputijiet tagħha. U wara l-mewt tal-omm (jew in-nanna) kemm -il darba iltqajt b’mod regolari mal-kuġini jew maz-zijiet?
U wara l-mewt tal-omm jaf jibdew il-kunflitti. Kull membru tal-familja jkun għaddej minn emozzjonijiet minħabba t-telfa li ġarrab, u dak ikun iż-żmien meta t-tensjoni tikber. Parti mill-kunflitti jkunu dwar il-wirt, kultant anki ta’ affarijiet żgħar.
Hija ħasra, imma il-frażi li mingħajr l-omm, il-familja titkisser tagħmel ħafna sens. Hemm xi ħaġa illi fl-opinjoni tiegħek, l-omm hija l-pilastru li tgħaqqad il-familja?