Minn mal-art għal mejjet għal protagonist
Kien it-12 ta’ Ġunju 2021, waqt logħba tal-EURO 2020 bejn id-Danimarka u l-Fillandja. Fit-42 minuta, il-midfielder Daniż, Christian Eriksen, waqa’ mal-art waħdu u deher ma jiċċaqlaqx.
Il-kaptan tad-Daniżi, Simon Kjær, dawru fir-recovery position. Eriksen ingħata s-CPR mit-tim mediku fil-grawnd stess u, eventwalment, ittieħed l-isptar għal iktar kura. Siegħa wara tħabbar li, minkejja li sofra attakk tal-qalb u waqfitlu qalbu, kien f’sensih u stabbli l-isptar.
L-għada tal-inċident, Eriksen tella’ ritratt fuq Facebook u qal li jinsab tajjeb, minkejja ċ-ċirkustanzi.
Sarlu intervent biex ipoġġulu implantable cardioverter-defibrillator minħabba li r-ritmu tal-qalb ġie mtellef. Ħafna ħasbu li l-karriera ta’ Eriksen spiċċat.
Sfortunatament, ma setax ikompli jilgħab fis-Serie A, mal-Inter, minħabba r-regoli tas-saħħa fl-Italja. Eriksen ippersista u sitt xhur wara l-inċident beda jitħarreġ fil-faċilitajiet ta’ Odense Boldklub, li kien jilgħab magħhom f’żgħożitu.
Meta Eriksen tqies li huwa tajjeb għal-logħob professjonali, fil-31 ta’ Jannar 2022 iffirma kuntratt ma’ Brentford, tim tal-Premier League Ingliż. Fis-26 ta’ Frar daħal jilgħab u sal-aħħar tal-istaġun kien it-tielet l-iktar plejer li ta assists fil-Premier League.
F’Lulju tal-2022 iffirma kuntratt ma’ Manchester United, fejn għadu jilgħab sal-lum.
Irritorna lura fil-grawnd biex jirrappreżenta lid-Danimarka fis-26 ta’ Marzu 2022. Żewġ minuti wara li daħal, skorja.
L-avventura ta’ Eriksen kompliet fl-EURO 2024. Huwa skorja l-uniku gowl għad-Daniżi fl-ewwel logħba, kontra s-Slovenja u ngħata t-titlu tal-aħjar plejer tal-logħba. Fl-aħħar logħba tal-grupp, kontra s-Serbja, Eriksen reġa’ kien l-aħjar plejer tal-logħba. Dakinhar lagħab il-133 logħba għad-Daniżi u qabeż lil Simon Kjær bħala l-iktar plejer li lagħab għad-Danimarka.
Christian Eriksen huwa xempju li, jekk iċ-ċirkustanzi jippermettu, m’għandek taqta’ qalbek qatt!