Modi differenti kif tista’ tikkalma lill-kelb tiegħek waqt il-murtali

 Modi differenti kif tista’ tikkalma lill-kelb tiegħek waqt il-murtali

L-istaġun tas-sajf iġib miegħu l-festi tal-villaġġi Maltin li jfakkru l-qaddisin patruni tagħhom. Parti essenzjali mill-festa lokali huma l-murtali, kemm dawk tal-bomba  filgħodu, kif ukoll tal-kulur fil-għaxija. Filwaqt li aħna kapaċi napprezzaw l-isbuħija tal-murtali li wara l-ilwien u l-forom tagħhom hemm kreattività mill-isbaħ, dan ma japplikax għall-ikbar ħabib tagħna, il-kelb.

Raġuni għal dan huwa l-fatt li l-klieb għandhom sens ta’ udit għaxar darbiet iktar b’saħħtu minn dak tagħna l-bnedmin. Allura jekk l-isplużjoni tal-murtali xi drabi taħsad lilna, ara kemm hija iktar qawwija u trawmatika għal ħbiebna l-klieb!

Sfortunatament, bosta klieb domestiċi mhumiex esposti b’mod pożittiv f’rabta mal-murtali waqt il-perijodu meta fih jiġu mgħallma kif jissoċjalizzaw. Allura jkunu diġà kibru meta jiġu wiċċ imb wiċċ mal-ħsejjes qawwijin tal-murtali għall-ewwel darba u dan jissarraf f’esperjenza allarmanti.

Hemm bosta modi jew prodotti li jistgħu jgħinu biex tnaqqas l-anzjetà tal-kelb tiegħek matul il-ħin tal-murtali:

  • It-“Thundershirt” hija libsa li tintlibes madwar żaqq il-kelb u tgħinu jnaqqas mill-anzjetà u jikkalma, daqslikieku bniedem qed jgħannqu;
  • Hemm ukoll tip ta’ kutra ta’ piżijiet differenti. Il-piż tagħha għandu jkun 10% ta’ dak tal-kelb inkwistjoni. Għandna nħallu l-parti tal-għonq u r-ras ħielsa, u b’hekk il-kelb isib wens taħtha bla ma jħossu mhedded;
  • Hemm “ear muffs” apposta għall-klieb biex inaqqsu sewwa mill-ħoss tal-murtali u jgħinuh jibża’ inqas minnhom. Il-kelb però jrid l-ewwel jidra jilbishom u jżommhom fuqu;
  • Hemm ukoll tip ta’ berritta li tikkalma l-kelb meta jilbisha għax tnaqqas mill-istimoli viżwali ġġenerati mid-dawl tal-murtali li jistgħu jbeżżgħuh sewwa;
  • Nistgħu nużaw magna li tixħet ħsejjes apposta li jiġbdu l-attenzjoni u jikkalmaw il-kelb waqt il-murtali. Tajjeb li din tintuża f’kamra fejn il-ħsejjes qawwija ma jippenetrawx ħafna l-ambjent;
  • Hemm ukoll diffusers jew kullari li jixħtu riħa partikulari (jew feromoni) li tixbah lil dik tal-kelba omm meta tkun qed tieħu ħsieb lill-ġriewi tagħha.

Dejjem nistgħu indarru lill-kelb tagħna għall-ħsejjes tal-murtali billi nuruh gradwalment xi videos tagħhom fuq YouTube u nagħtuh xi treats meta jirreaġixxi pożittivament għalihom.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com