Monument lil mara speċjali f’San Pawl il-Baħar
Ftit tal-jiem ilu kont miexi mal-kosta f’San Pawl il-Baħar u ltqajt ma’ monument partikolari ladarba huwa ddedikat kollu kemm hu lil mara. Din hija l-Markiża Anna Bugeja li għexet bejn l-1830 u l-1916.
Il-monument ġie mikxuf f’għeluq il-100 sena minn mewt din il-benefattriċi, mela fl-2016. Jinsab eżattament faċċata tal-Kunvent tal-Franġiskani Konventwali, u huwa wieħed mix-xogħlijiet artistiċi tal-iskultur kontemporanju Anton Agius.
X’inhi l-istorja wara dan il-momunemt? Lejn l-aħħar tas-seklu 19 San Pawl il-Baħar kellu popolazzjoni ta’ mhux iktar minn 200 persuna. Kien lokal imfittex ħafna bħala villeġġjatura mela bosta kellhom id-dar tas-sajf. Fost dawn kien hemm anki Maltin nobbli bħall-markiża Anna Bugeja, li d-dar tagħha kienet dak li llum huwa l-kunvent tal-Franġiskani u l-knisja parrokkjali.
Kien fis-sena 1900 meta iben familja nobbli oħra, Peppin Sant Cassia, kien qed jgħum taħt it-Torri ta’ Wignacourt fejn hemm għar u sab immaġni qaddisa tal-Madonna tad-Duluri u taha lill-Markiża. Hawn Anna Bugeja ġietha l-idea li tibni knisja ddedikata lill-Madonna u l-ewwel ġebla tal-binja tqiegħdet f’April tal-1902. Fi żmien sentejn il-knisja kienet lesta, u dan wassal biex San Pawl il-Baħar isir parroċċa fl-1905.
Kemm il-Markiża Bugeja, kif ukoll żewġha Vincenzo, kienu magħrufa għall-ġenerożita tagħhom u d-donazzjonijiet li kienu jagħmlu lill-karità. Din il-mara ġiet deskritta bħala mara filantropika u spiritwali li għenet ħafna lill-fqar u lill-bżonnjużi. Kienu jsejħulha “L-Anġlu tal-Orfni”. Hemm min sejħilha saħansitra qaddisa ladarba kkontribwiet għall-iżvilupp tal-parroċċa ta’ San Pawl li matul iż-żmien kibret sew fil-popolazzjoni.
Wara l-mewt ta’ żewġha, il-Markiża Anna Bugeja tat dak kollu li kellha lill-parroċċa ta’ San Pawl u lill-fqar, u dan huwa ddokumentat.
Il-Markiża Anna Bugeja twieldet fil-belt ta’ Napli fl-1830 u kienet bint is-sopran Franċiża magħrufa Camilla Darbois u żewġha Philip. Id-destin ried li Anna tiltaqa’ man-negozjant Malti Vincenzo Buġeja waqt li kienet fuq żjara f’Malta ma’ ommha li kienet ġiet hawn biex tkanta fit-teatru prestiġġjuż tal-Manoel. Bħala miżżewġin qatt ma kellhom ulied. Hija mietet ta’ 86 sena.