Ojj! Fejn marret il-veduta tal-baħar!?

 Ojj! Fejn marret il-veduta tal-baħar!?

Issa li qegħdin fl-istaġun tas-sajf il-jum twal u ħafna minna joħorġu iktar anki biex inpattu kontra s-sigħat twal ta’ dlam u għeluq ġewwa li qattajna matul ix-xitwa. Xi ħaġa li bosta nħobbu nagħmlu bħala poplu hija dik il-passiġġata mal-promenade qrib il-kosta fejn wieħed jista’ jagħmel eżerċizzju fiżiku, jgħid kelma mal-ħbieb u jieqaf jieħu xarba friska jew kapuċċinu filwaqt li jgawdi l-veduta tal-baħar ikħal u sabiħ li aħna lkoll familjari miegħu.

Il-baħar jiġbed lejh bosta turisti u anki attivitajiet ta’ divertiment, u għalhekk ma jistax jonqos li jitilgħu bħall-faqqigħ lukandi, ristoranti, u simili, anki biex l-ekonomija ddur sewwa u r-riżorsi naturali tagħna bħax-xemx u l-baħar jiġu sfruttati bl-aħjar mod possibbli. Matul il-promenades, bħal dawk ta’ Tas-Sliema, ta’ Buġibba, ta’ Marsaskala, ta’ Marsaxlokk u oħrajn tara wkoll għadd ta’ kjoskijiet li jservu ikel varju, imdawrin bl-imwejjed u bis-siġġijiet, biex inkunu nistgħu ngħaddu siegħa nieklu u nitkellmu mal-persuni għal qalbna.

Dan hu kollu tajjeb, imma hemm drabi meta hemm it-tendenza li nesaġeraw, anki min-naħa tal-iżviluppatur jew tal-imprenditur. Partijiet mill-veduta tal-baħar matul il-promenade llum qed jiġu mgħottija minn entitajiet privati bil-konsegwenza li min ikun miexi jispiċċa jara ma’ wiċċu għal għadd kbir ta’ metri strutturi tal-ħadid u tal-kanvas bir-riklami fuqhom, paraventi tal-qasab u ħitan temporanji jew mhux, u dan għal raġunijiet differenti.

Xi drabi dan qed isir sakemm ikun għaddej xogħol infrastrutturali bħal bini jew ristrutturar ta’ lukandi jew żoni fejn ikun hemm il-pixxini tagħhom. L-idea hija li min ikun miexi matul il-promenade ma jarax il-krejnijiet u l-apparat tal-kostruzzjoni li jkunu għaddejjin bix-xogħol matul il-ġurnata. Drabi oħra ssib azjendi privati li jgħattu parti mdaqqsa mill-veduta tal-baħar biex min ikun qed juża faċilitajiet bħal pixxini u żoni ta’ divertiment ikollu l-privatezza tiegħu u jkun protett mill-ħarsa ta’ dawk li jkunu mexjin fil-promenade f’livell ogħla.

Wieħed jistaqsi kemm din il-ħaġa hija legali u jekk verament tistax issir. Il-veduta tal-baħar hi ta’ kulħadd. M’għandhiex titgħatta u m’għandniex inħallsu għaliha!

Inti x’taħseb?

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com