Proċess Rust – L-attur Alec Baldwin meħlus mill-akkuża ta’ qtil involontarju wara bosta xhur

 Proċess Rust – L-attur Alec Baldwin meħlus mill-akkuża ta’ qtil involontarju wara bosta xhur

Proprju ftit jiem ilu, l-attur Alec Baldwin infaqa’ jibki hekk kif imħallef ta’ New Mexico ċaħdet il-każ ta’ qtil involontarju kontrih għal sparatura fatali li kienet seħħet f’Ottubru tal-2021 fuq is-set tal-film Western Rust. Fl-istess sparatura weġġa’ wkoll id-direttur tal-film Joel Souza.  Din kienet it-tieni darba fejn il-każ kontra Baldwin ġie miċħud u ġie deċiż li l-attur mhux se jkollu għalfejn jaffaċċja ġuri mill-ġdid.

Dan hu każ kumpless tassew li ilu għaddej daqs sentejn u nofs. Wara d-deċiżjoni tal-Imħallef, Baldwin uża Instagram biex jirringrazzja lil dawk kollha li appoġġjaw lilu u l-familja tiegħu waqt dawn ix-xhur twal. Intant, l-avukati tiegħu allegaw li l-pulizija u l-prosekuturi ħbew provi – għadd ta’ bullets – li setgħu kienu konnessi mal-isparatura.

L-avukati tas-Sur Baldwin staqsew kif il-bullets ta’ vera spiċċaw fuq is-sett, u wrew dubji dwar kif saret l-investigazzjoni u kixfu l-iżbalji li saru mill-awtoritajiet li analizzaw il-post fejn seħħ il-każ li waqtu nqatlet involontarjament iċ-ċinematografu ta’ 42 sena Halyna Hutchins.

Waqt il-proċess kontra Baldwin, kellu jirreżenja wieħed miż-żewġ prosekuturi speċjali filwaqt li l-Imħallef Mary Marlowe Sommer warrbet lill-ġurija biex minflok tisma’ x’kellhom jgħidu diversi xhieda.

L-avukat tas-Sur Baldwin sostna li l-bullets ippreżentati setgħu kienu relatati mal-mewt tas-Sinjura Hutchins, imma ġew ippreżentati f’każ differenti b’numru differenti. Il-prosekuturi argumentaw li l-bullets ma kinux konnessi mal-każ u ma kinux jaqblu ma’ dawk misjuba fuq is-sett Rust. L-Imħallef sostniet li din l-informazzjoni kellha tiġi kondiviża mal-avukati difensuri tas-Sur Baldwin, u ladarba dan ma seħħx, waqqgħet il-każ kontra Baldwin u sostniet li l-prosekuturi mhux se jkunu jistgħu jerġgħu jressqu l-akkuża fil-konfront ta’ Baldwin.

Fl-istess każ kienu involuti l-persuna responsabbli għall-armi tal-film, Hannah Gutierrez-Reed, u anki l-assistent direttur David Halls – li waqt is-set ta’ Rust qal li ma kienx jaf li l-pistola ta’ Baldwin kellha bullets ta’ vera – li kien tkeċċa minn produzzjoni preċedenti, minħabba vjolazzjonijiet tas-sikurezza tal-armi fl-2019.

Baldwin dejjem sostna li mhux ħati għall-akkuża ta’ qtil involontarju.

Jekk tixtieq tara kif svolġew l-affarijiet f’dan il-każ ara: https://www.bbc.com/news/entertainment-arts-64824526

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com